Fi tmiem il-katekeżi tiegħu, ilbieraħ il-Papa Franġisku appella għall-protezzjoni tat-tfal, speċjalment meta tfakkar il-jum dinji kontra t-tħaddim tat-tfal – b’attenzjoni speċjali tingħata għall-isfruttar tat-tfal f’xogħol domestiku, sitwazzjoni deplorabbli li qed tiżdied, speċjalment fl-ifqar pajjiżi. Franġisku appella biex il-komunita internazzjonali tieħu miżuri aktar effettivi kontra din il-“pesta”, kif sejħilha. “Hemm miljuni ta’ tfal, ħafna minnhom bniet, li huma vittmi ta’ din il-forma moħbija ta’ sfruttament li ħafna drabi tinvolvi abbuż, maltrattament u diskriminazzjoni…hija skjavitu reali,”, kompla l-Papa waqt li qal li t-tfal għandhom jitħallew jilagħbu, jistudjaw, jitolbu u jikbru fil-familji tagħhom, fejn għandhom igawdu ambjent armonjuż, seren u ta’ mħabba. Temm jgħid li dan “huwa dritt tagħhom u dmir tagħna”.
Fi kliemu, tfulija serena tippermetti lit-tfal iħarsu lejn il-ħajja u l-futur tagħhom b’ċerta kunfidenza. Għajb għal min jipprova jifga fihom dan l-entużjażmu ta’ tama.