Fi kliem il-Papa Benedittu XVI fi tmiem l-udjenza ġenerali ta’ dil-ġimgħa, “ix-xogħol m’għandux ikun ta’ ostaklu għall-familja, anzi għandu jsostniha u jgħaqqadha iżjed”.
Waqt li fakkar li kien iċċelebrat il-Jum Dinji tal-Familji, jum li l-Ġnus Maqgħuda dis-sena ddedikat għar-relazzjoni bejn il-familja u x-xogħol, Benedittu XVI asserixxa li x-xogħol għandu jappoġġja lill-familja, “jgħinha tkun miftuħa iżjed għall-ħajja u jgħinha tidħol f’relazzjoni aħjar mas-soċjeta u mal-Knisja”. Fl-istess waqt, il-Kap tal-Kattoliċi esprima l-fehma li l-jum tal-Ħadd, jum il-Mulej li jfakkar il-ġrajja tal-Għid il-Kbir, ikun jum ta’ mistrieħ u okkażjoni għat-tisħiħ tal-familja”.
Meta fl-aħħar kien qed jagħti t-tislima tradizzjonali f’ilsna differenti lil iktar minn 11,000 pellegrin miġbura fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, il-Papa fakkar fis-solennita tat-Tlugħ is-sema tal-Mulej, li “tistedinna nħarsu lejn Ġesu jafda lill-appostli bil-mandat tat-twassil tiegħu ta’ salvazzjoni lid-dinja kollha. Il-Mulej lesta post għal kull wieħed u waħda minna u jinsab jistenniena. Jalla ħsibna u għemilna jkunu ffukati fuq il-ġenna”, temm jgħid.