-
-
Messaġġ tal-Papa Franġisku fil-Jum Dinji tal-Foqra 2018 -
1. “Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,” (Salm 34:6). Il-kliem tas-Salmista jsir tagħna kull meta aħna niġu msejħa biex niltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet differenti ta’ tbatija u emarġinazzjoni li jgħaddu minnha ħafna minn ħutna li aħna mdorrijin inlaqqmuhom bħala “l-fqar”. Is-salmista mhux sajjem mit-tbatija; imma bil-maqlub. Hu għandu esperjenza diretta tal-faqar u minkejja dan jittrasforma t-tbatija f’innu ta’ tifħir u ringrazzjament lil Alla. Illum, Salm 34 jippermettilna, imdawrin kif aħna b’diversi forom ta’ tbatija, li nagħrfu lil dawk li huma tassew foqra. Hu jgħinna niftħu għajnejna għalihom biex nisimgħu l-karba tagħhom u nagħfru l-bżonnijiet tagħhom.
Fl-ewwel u qabel kollox, qed jgħidilna li Alla jisma’ lill-fqar li jsejħulu. Hu tajjeb ma’ dawk li jsibu refuġju fih, dawk li qalbhom maqsuma bid-dwejjaq, bl-iżolament u l-esklużjoni. Il-Mulej jisma’ lil dawk li feruti fid-dinjità tagħhom, xorta jsibu l-qawwa li jħarsu ’l fuq lejh biex idawwalhom u jagħtihom il-komfort. Hu jisma’ lil dawk ippersegwitati f’isem il-ġustizzja falza, oppressi b’politika li ma tagħmilx ġieħ lil isimha, u mwerwra bi vjolenza, imma madankollu jafu li Alla hu s-Salavatur tagħhom. Dak li joħroġ minn din it-talba hu fuq kollox is-sens ta’ abbandun u fiduċja f’Missier li jaf jisma’ u jifhem. Fuq dawn l-istess linji, nistgħu napprezzaw is-sinifikat ta’ kliem Ġesù: “Ħenjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.” (Mt 5:3).
Din l-esperjenza unika u f’ħafna modi mhux mixtieqa u li ma tistax tesprimiha, iġġegħilna nixtiequ naqsmuha mal-oħrajn, l-aktar ma’ dawk li, bħas-salmista, huma foqra, imwarba u emarġinati. Ħadd m’għandu jħossu eskluż mill-imħabba tal-Missier, speċjalment f’dinja li ħafna drabi tippreżentalna l-għana bħala l-ogħla għan u tinkorraġġixxi li wieħed jaħseb fih innifsu.
2. Is-Salm 34, juża tliet verbi biex jiddeskrivi l-bniedem fqir fil-relazzjoni tiegħu ma’ Alla. L-ewwel fosthom: “isejjaħ”. Il-faqar ma jistax jiġi deskritt f’kelma waħda; il-faqar isir għajta li titla’ lejn is-sema u tasal għand Alla. X’tesprimi l-għajta tal-fqir jekk mhux it-tbatija, is-solitudni, id-diżappunti u t-tama tagħhom? Nistgħu nistaqsu lilna nnfusna kif it-talba tagħhom, li titla’ sal-preżenza ta’ Alla, tista’ tonqos milli tasal f’widnejna, jew tħallina bierda u indifferenti. F’din il-Ġurnata Dinjija tal-Foqra, aħna msejħa biex nagħmlu eżami serju tal-kuxjenza, biex nara jekk aħniex verament kapaċi nisimgħu l-għajta tal-fqir.
Biex tisma’ leħinhom għandna bżonn is-silenzju ta’ nies li lesti jisimgħuhom. Jekk nitkellmu ħafna aħna, mhux se nkunu kapaċi nisimgħuhom. Kultant nibża’ li ħafna inizzjattivi, tajbin kemm huma tajbin u neċessarji fihom infushom, għandhom l-għan li jissodisfaw lil dawk li jeħduhom, aktar milli jwieġbu għall-għajta vera tal-fqar. Meta dan ikun il-każ, fil-mument meta l-fqar isemmgħulna l-għajta tagħhom, ir-reazzjoni tagħna ma tkunx koerenti u ma nkunux kapaċi nidħlu fiż-żarbuna tal-kundizzjoni tagħhom. Aħna nkunu wkoll maqbuda f’kultura li ġġegħilna nħarsu fil-mera u nikkonvinċu ruħna li ġest altruwistiku huwa biżżejjed, mingħajr il-bżonn li ninvolvu ruħna direttament.
3. It-tieni verb hu: “li twieġeb”. Is-Salmista jgħidilna li Alla mhux biss jisma’ l-għajta tal-fqir, imma jwieġeb. It-tweġiba tiegħu, kif naraw fl-istorja kollha tas-salvazzjoni, hija parteċipazzjoni sħiħa mimlija mħabba fil-kundizzjoni tal-fqir. Hekk kien meta Abraham kellem lil Alla dwar ix-xewqa tiegħu li jkollu dixxendenza, minkejja l-fatt li martu Sara kienet kibret fiż-żmien u ma kellhiex tfal (ara Ġen 15:1-6). Hekk ukoll meta Mosè, quddiem is-siġra taqbad mingħajr ma tikkonsma, irċieva r-rivelazzjoni ta’ isem Alla u l-missjoni li jifdi l-poplu tiegħu mill-Eġittu (Es 3:1-15). U din ir-risposta kienet ikkonfermata tul il-mixja ta’ Iżrael fid-deżert,meta ħassew il-ġuħ u l-għatx (ara Es 16:1-6; 17:1-7), u l-waqa’ tagħhom fl-agħar miżerja, jiġifieri l-infedeltà għall-patt u l-idolatrija. (ara Es 32:1-14).
It-tweġiba ta’ Alla lill-foqra hija dejjem intervent li jsalva biex ifejjaq il-feriti tar-ruħ u l-ġisem, jerġa’ jġib il-ġustizzja u biex jgħinhom jgħixu ħajja ġdida b’dinjità. Ir-risposta ta’ Alla hi appell lil dawk li jemmnu fih biex jagħmlu bħalu sakemm huwa umanament possibbli. Il-Jum Dinji tal-Fqar għandu l-għan li jkun risposta żgħira li l-Knisja fid-dinja kollha tagħti lill-fqar ta’ kull tip u ta’ kull nazzjon, biex ma jaħsbux li l-għajta tagħhom intilfet mar-riħ. Probabbilment hi qatra ilma fid-deżert tal-faqar, iżda madankollu tista’ sservi bħal sinjal tal-qsim ma’ dawk fil-bżonn, u tgħinhom iħossu l-preżenza attiva tal-aħwa. Il-foqra m’għandhomx bżonn intermedjarji, imma l-involviment personali ta’ dawk li jisimgħu l-għajta tagħhom. Li dawk li jemmnu, jagħtu kashom, ma tistax tillimita ruħha għal xi forma ta’ assistenza – tajba u providenzjali kemm trid fil-bidu – imma teħtieġ “attenzjoni mimlija mħabba” (Evangelii Gaudium, 199) li tonora l-persuna fiha nnifisha u tfittex il-ġid tagħha.
4. It-tielet verb “li teħles”. Fil-Bibbja, il-foqra jgħixu biċ-ċertezza li Alla jintervjeni għalihom, biex jerġa’ jagħtihom id-dinjità. Il-faqar mhux xi ħaġa li jġib fuqu l-fqir, imma hija kawża ta’ egoiżmu, kburija, kilba u inġustizzja. Dan huwa ħażen antik daqskemm ilha teżisti l-umanità nnifisha, imma anke dnubiet li jaffettwaw tant innoċenti, li jwasslu għal konsegwenzi soċjali traġiċi. L-azzjoni li permezz tagħha Alla jillibera, hi att ta’ salvazzjoni għal dawk kollha li juru d-dwejjaq u l-miżerja tagħhom. In-nuqqas ta’ ħelsien li jġib miegħu il-faqar, jinqered bl-intervent qawwi ta’ Alla. Ħafna mis-salmisti jirrakkuntaw u jiċċelebraw din l-istorja tas-salvazzjoni manifestata fil-ħajja personali tal-foqra: “Għax ma warrabx minnu l-imsejken, ma stmerrx in-niket tiegħu; anqas wiċċu ma ħeba minnu, imma semgħu meta sejjaħlu. (Salm 22,25). Il-kapaċità li tara l-wiċċ ta’ Alla huwa sinjal ta’ salvazzjoni, tal-ħbiberija tiegħu u ta’ kemm hu qrib tagħhom. “Int, li rajt ’ l hemm tiegħi, li għaraft id-dieqa ta’ qalbi. Ma tlaqtnix f’idejn l-għedewwa, imma qegħidtli fil-wisgħa riġlejja” (Salm 31, 7-8). Li toffri l-fqir “il-wisgħa” hu li teħilsu “mix-xibka tan-nassab” (Salm 91,3) u teħilsu minn dak li jfixklu tul il-mixja tiegħu, biex ikun jista’ jimxi ’l quddiem bis-serenitá fil-mogħdija tal-ħajja. Is-salvazzjoni ta’Alla hija id miftuħa lejn il-fqir, id li tilqa’, tipproteġi u tgħinhom jesperjenzaw il-ħbiberija li huma għandhom bżonn. Minn din il-viċinanza konkreta u tanġibbli, toħroġ triq ta’ liberazzjoni ġenwina: “Kull Nisrani u kull komunità huma msejħa jkunu għodda f’idejn Alla għall-ħelsien u l-promozzjoni tal-foqra, biex hekk dawn jistgħu jintegraw ruħhom għalkollox fis-soċjetà; dan jitlob li nkunu doċli u attenti biex nistgħu nisimgħu l-karba tal-fqir u nħaffu ngħinuh. (Evangelii Gaudium, 187).
5. Hija xi ħaġa li tikkomovini li ħafna foqra jidentifikaw ruħhom ma’ Bartimew li jissemma fl-Evanġelju skont San Mark (ara 10:46-52). Bartimew kien: “bilqiegħda jittallab mal-ġenb tat-triq” (v. 46); u wara li semma li Ġesù kien għaddej minn hemm, beda jgħajjat u jgħid. “Bin David, ikollok ħniena minni” (v. 47). “Kien hemm ħafna li bdew jagħjtu miegħu biex jiskot, imma hu aktar beda jgħajjat” (v. 48). L-Iben ta’ Alla sema’ l-għajta tiegħu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?” L-għama qallu: “Li nerġa’ nara, Rabbuni” (v. 51). Din l-istorja mill-Evenġelju turina dak li s-Salm iħabbar bħala wegħda. Bartimew huwa bniedem fqir li jonqsuh l-affarijiet essenzjali, bħad-dawl u l-kapaċità li jaħdem biex jaqla’ l-għixien tiegħu. Kemm nies illum iħossuhom fl-istess sitwazzjoni ta’ prekarjat! Nuqqas ta’ mezzi bażiċi biex isostnu lilhom infushom, imwarrba minħabba li mhux mogħtija xogħol, forom diversi ta’ skavitù soċjali minkejja l-proġress uman tagħna… Kemm nies foqra llum, huma bħal Bartimew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq, ifittxu skop għal ħajjithom! Kemm minnhom isaqsu lilhom infushom għaliex niżlu daqshekk fil-baxx u kif jistgħu jinħelsu minn dan. Huma qed jistennew lil xi ħadd li jiġi ħdejhom u jgħidilhom: “Agħmel il-qalb! Qum, qed isejjaħlek” (v. 49). Sfortunatament, ħafna drabi jiġri l-kontra, u l-foqra jisimgħu vuċijiet li jċanfruhom, jgħidulhom biex jisktu u joqogħdu bi kwiethom. Dawn il-vuċijiet huma ħorox, ħafna drabi minħabba l-biża’ mill-foqra li huma meqjusa mhux biss miżerabbli imma sors ta’ insigurtà u inkwiet, diżorjentament mill-ħajja li mdorrijin ngħixu fiha u allura l-bżonn li jiġu mwarrba u mħollija iżolati. Fina hemm it-tendenza li nżommu ’l bogħod bejna u bejnhom, mingħajr ma nirrealizzaw li dan huwa l-mod kif qed nitbiegħdu mill-Mulej Ġesù, li ma warrabx il-foqra, imma jsejħilhom lejh u jagħtihom il-faraġ. Il-kliem li l-profeta Iżaija jgħid lil dawk li jemmnu dwar kif għandhom iġibu ruħhom, idoqq tant tajjeb f’dan il-każ. Huma għandhom: “Iħollu l-irbit tal-ħażen, iħollu x-xkiel tal-madmad, jibagħtu ħielsa l-maħqurin, u jkissru kull madmad… li taqsam il-ħobż ma’ min hu bil-ġuħ, u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf… li tlibbes lil min hu għarwien” (58:6-7) Dan il-mod kif iġġib ruħek, jippermetti d-dnub li jinħafer (ara 1 Pt 4:8) u li l-ġustizzja tieħu l-kors tagħha. Huma jassiguraw li meta aħna nsejħu lil Alla, hu jweġibna “Hawn jien!” (ara Is 58:9).
6. Il-foqra huma l-ewwel li jagħrfu l-preżenza ta’ Alla u jagħtu xhieda li hu qrib tagħhom. Alla jibqa’ fidil għall-wegħda tiegħu; u anke fid-dlam tal-lejl, ma jżommx lura mis-sħana tal-imħabba u l-konsolazzjoni tiegħu. Madankollu, biex il-foqra jegħlbu s-sitwazzjonijiet li jtaqqluhom, għandhom bżonn iħossu l-preżenza tal-aħwa li jagħtu kashom u meta jiftħulhom il-bibien ta’ qalbhom u ħajjithom, jgħinuhom iħossuhom bħala ħbieb u familja. Hu b’dan il-mod biss li l-foqra jiskopru “l-qawwa li ssalva taħdem f’ħajjithom” u “tpoġġihom fil-qalba tal-mixja tal-Knisja” (Evangelii Gaudium, 198).
F’dan il-Jum Dinji, aħna qed niġu mitluba nwettqu l-kliem tas-salm: “Jieklu l-fqajrin u jixbgħu” (Salm 22:26). Aħna nafu li fit-Tempju ta’ Ġerusalemm, wara r-riti tas-sagrifiċċju, kienet issir ikla. Din kienet l-esperjenza li biha ħafna Djoċesijiet, arrikkew iċ-ċelebrazzjoni tal-ewwel Jum Dinji tal-Foqra. Ħafna nies sabu s-sħana ta’ dar, il-ferħ ta’ ikla festiva u s-solidarjetà ta’ dawk li xtaqu jpoġġu bilqiegħda fuq il-mejda b’sempliċità u fraternità. Nixtieq li bħal din is-sena u l-Jiem tal-Faqar li għad iridu jiġu, ikunu ċċelebrati fi spirtu ta’ ferħ, bl-iskoperta tal-kapaċità li nkunu flimkien. Li nitolbu flimkien bħala komunità u naqsmu ikla flimkien il-Ħadd hija esperjenza li teħodna lura għall-ewwel komunità nisranija deskritta mill-Evanġelista Luqa fis-sempliċità primittiva tagħha: “U kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim tal-Appostli u fl-għaqda, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb… Dawk kollha li kienu jemmnu kienu ħaġa waħda, u kienu jaqsmu kollox bejniethom, ibiegħu ġidhom u kulma kellhom u jqassmu d-dħul bejn kulħadd, skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed” (Atti 2:42.44-45).
7. Fil-komunitajiet Insara, kuljum jittieħdu bosta inizzjattivi biex jiġi offrut dan is-sens li nkunu qrib u noffru flimkien id li tgħin quddiem il-wiċċ ta’ ħafna forom ta’ faqar li hawn madwarna. Ħafna drabi wkoll, il-koperazzjoni tagħna ma’ inizjattivi oħra li mhumiex ispirati mill-fidi imma mis-solidarjetà umana, jagħmilha possibbli għalina li nagħtu dik l-għajnuna li kieku ma nkunux nistgħu nagħtu. Li nirrealizzaw li quddiem il-wiċċ ta’ tant faqar, il-kapaċità tagħna li nieħdu azzjoni hija limitata, dgħajfa u mhux biżżejjed, iġġegħelna nersqu lejn l-oħrajn biex permezz ta’ koperazzjoni reċiproka, nilħqu l-għanijiet tagħna b’mod aktar effettiv. Aħna l-Insara, nispiraw ruħna mill-fidi u mill-obbligu tal-karità, imma aħna nistgħu wkoll nirrikonoxxu forom oħra ta’ assistenza u solidarjetà li jimmiraw għall-istess għanijiet, sakemm ma nittraskurawx r-rwol tagħna li hu li nwasslu lil kulħadd lejn Alla u l-qdusija. Id-djalogu bejn esperjenzi differenti, u l-umiltà li noffru l-koperazzjoni tagħna mingħajr ma nfittxu li nidhru, hija l-aktar risposta evanġelika li nistgħu nagħtu.
Fis-servizz lejn il-fqar, m’hemmx lok għall-kompetizzjoni, imma rridu nirrikonoxxu b’umiltà li l-ispritu huwa dak li jqanqal l-azzjonijet tagħna biex ikunu sinjal li juru li Alla huwa qrib tagħna u jwieġeb talbna. Meta nsibu modi kif inkunu qrib il-fqar, nafu li kollox jiddependi minn Alla li jiftħilna għajnejna u qalbna għall-konverżjoni. Il-foqra m’għandhomx bżonn protagonisti, imma mħabba li taf tibqa’ moħbija u mhux taħseb fuq it-tajjeb li setgħet għamlet. Il-protagonisti vera huma dejjem il-Mulej u l-fqar. Kull min jixtieq iservi huwa strument f’idejn Alla, biex jurina l-preżenza salvifika tiegħu. San Pawl ifakkarna f’dan meta jikteb lill-Insara ta’ Korintu li kienu qed jikkompetu bejniethom min kellu l-aqwa kariżma. “L-għajn ma tistax tgħid lil id: ‘Jiena m’għandix bżonnok,’ anqas ir-ras ma tgħid lis-saqajn: ‘Ma għandix bżonnkom” (1 Kor 12:21). Pawlu jagħmel punt importanti meta josserva li l-aktar membri tal-ġisem li jidhru l-aktar dagħjfa, huma fil-fatt l-aktar meħtieġa (ara v. 22), u li dawk li nqisu b’inqas ġieħ fil-ġisem, lil dawn l-aktar li nieħdu ħsiebhom; u ’l dawk li m’għandhomx ġmiel, inlibbsuhom b’aktar ġmiel; għax il-membri sbieħ m’għandhom bżonn xejn” (vv. 23-24).
Pawlu joffri lill-komunità tagħlim bażiku fuq il-kariżmi, imma anke dwar l-attitudni li għandu jkollna fid-dawl tal-Vanġelu, lejn l-aktar membri dgħajfa u fil-bżonn. Ikun ħasra li d-dixxipli ta’ Kristu jwelldu fihom sentimenti ta’ disprezz jew ħasra lejn il-fqar. Għal kuntrajru, aħna msejħa biex nonoraw lill-fqar u nagħtuhom preċedenza, ġejja mill-konvinzjoni li huma l-vera preżenza ta’ Ġesù fostna. “Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).
8. Hawnhekk nistgħu naraw kemm il-mod ta’ ħajja tagħna għandu jkun ’il bogħod minn dik tad-dinja, li teżalta, tfittex u timita l-għonja u l-qawwija, filwaqt li tinsa l-foqra u tqishom bħala skart u tal-mistħija. Kliem Pawlu jistedinna għal solidarjetà evanġelika mill-aktar sħiħa mal-membri l-aktar dgħajfa u b’inqas kapaċitajiet fil-Ġisem ta’ Kristu. “Jekk membru jbati, ibatu lkoll miegħu; jekk membru jingħata l-ġieħ, jifirħu lkoll miegħu” (1 Kor 12:26). Fl-ittra tiegħu lir-Rumani, Pawlu jgħidilna wkoll: “Ifirħu ma’ min jifraħ, ibku ma’ min jibki. Aħsbu f’xulxin l-istess, taħsbux fi ħwejjeġ kbar, imma fittxu l-umli” (Rum12:15-16). Din hi l-vokazzjoni ta’ kull dixxiplu ta’ Kristu, l-ideal li rridu nfittxu kontinwament filwaqt li nassimilaw dejjem fina “is-sentimenti ta’ Kristu Ġesù” (Fil 2,5).
9. B’mod naturali, l-fidi tispira fina messaġġ ta’ tama. Ħafna drabi huma preċiżament il-foqra li jisfidaw l-indifferenza tagħna, imwielda minn viżjoni dejqa tal-ħajja u marbuta wisq mal-preżent. L-għajta tal-fqar hija wkoll l-għajta tat-tama li turi ċ-ċertezza tal-ħelsien mistenni. Din it-tama ssib l-għeruq tagħha fl-imħabba ta’ Alla li ma jabbandunax lil dawk li jpoġġu t-tama tagħhom fih (ara Rum 8:31-39). Kif tikteb Santa Tereża ta’ Avila fil-ktieb tagħha, It-Triq tal-Perfezzjoni: “Il-faqar jiġbor fih il-ġid tad-dinja. Hu dominju vast. Nazzarda ngħid li kull min jiċħad il-ġid ta’ din id-dinja, isir padrun tiegħu kollu. (2:5). Hu fil-kejl li permezz tiegħu kapaċi niddixxernu l-ġid awtentiku li aħna nsiru għonja quddiem Allau għorrief f’għajnejna u f’għajnejn ħaddieħor. Dan hu veru. Hu mill-mod kif jirnexxilna nagħrfu l-veru sinifikat tal-ġid vera, li aħna nikbru fl-umanità u l-kapaċità li naqsmu mal-oħrajn.
10. Nistieden lil ħuti l-Isqfijiet, saċerdoti u b’mod speċjali lid-djakni li rċevew it-tqegħid tal-idejn għas-servizz tal-foqra (ara Atti 6:1-7), kif ukoll lir-reliġjużi u l-lajċi rġiel u nisa li fil-parroċċi, assoċjazzjonijiet u movimenti ekkleżjali jpoġġu fil-prattika t-tweġiba tal-Knisja għall-għajta tal-fqar biex jesperjenzaw dan il-Jum Dinji bħala mument privileġġat għall-evanġelizzazzjoni ġdida. Il-foqra jevanġelizzawna u jgħinuna kuljum biex niskopru s-sabiħ tal-Evanġelju. Ejja ma nħallux din l-opportunità ta’ grazzja tisfuma fix-xejn. Jalla f’din il-ġurnata, ilkoll kemm aħna nħossu li aħna midjunin mal-fqar, għaliex fl-idejn miftuħa wieħed lejn l-ieħor, isseħħ il-laqgħa salvifika li ssostni l-fidi tagħna, tispira l-karità u tgħin it-tama tagħna timxi ’l quddiem fit-triq lejn il-Mulej li ġej.
Franġisku