Matul il-jum tal-Ħadd intlaħaq il-qofol taż-żjara tal-Papa Benedittu Sittax fl-Ingilterra u fl-Iskozja bil-quddiesa tal-Beatifikazzjoni tal-Kardinal John Henry Newman f’Birmingħam. John Henry Newman, li kien Anglikan, kien ikkonverta għall-Kattoliċiżmu.
Il-Papa Benedittu Sittax, fl-omelija tiegħu quddiem eluf ta’ nies waqt il-beatifikazzjoni tal-Kardinal John Henry Newman f’Birmingham fir-Renju Unit, sejjaħ din il-ġurnata bħala ‘ġurnata ta’ risq.’ Il-Papa fakkar fis-70 anniversarju mill-Battalja tal-Ingilterra billi ta ġieh lil dawk li ssaggrifikaw ħajjithom billi rreżistew ‘l-ideoloġija ħażina’ tar-reġim tan-Nażi.
Il-Papa Benedittu Sittax kompla l-omelija tiegħu billi rrakkonta li huwa ta’ 14-il sena kien imġiegħel jingħaqad maż-Żgħażagħ ta’ Hitler. Kompla jgħid li huwa bata u sofra l-agħar ġranet tar-reġim Nażżista fil-Ġermanja. Il-Papa tenna jgħid li jħoss ruħu kommoss li jkun fost iċ-ċittadini li ssagrifikaw ħajjithom u b’mod kuraġġuż irreżistew l-ideoloġija ħażina.
Il-Papa Benedittu qal li teżisti relazzjoni bejn il-fidi u r-raġuni f’post vitali ta’ reliġjon rivelata f’soċjeta ċivili u hemm ħtieġa akbar ta’ aktar edukazzjoni mifruxa fejn tidħol ir-reliġjon.
Il-Papa temm jgħid li kien xieraq li eluf ta’ ċittadini li nġabru biex jiċċelebraw il-qdusija ta’ dan il-missier maħbub, il-Kardinal Newman. Fi tmiem iż-żjara statali tiegħu ndirizza lill-Isqfijiet tal-Ingilterra, Skozja u Wales.
Intant, is-Sibt filgħaxija saret velja ta’ talb f’Hyde Park. Il-kor ta’ mija u sittin persuna ta’ nazzjonalita differenti li ħa sehem waqt din il-velja kien jinkludi wkoll żewġ Maltin. Ethel Hili minn Ħ’Attard li qed taħdem fir-Renju Unit u l-Għawdxija Marlene Cauchi. Qabel il-velja ta’ talb, il-Papa għamel ukoll żjara f’Dar Kattolika għall-anzjani f’Londra. Meta kellem lill-anzjani, qal li l-ħajja hija don uniku, mill-konċepiment sal mewt naturali, u huwa Alla li jagħtiha u jeħodħa. Saħaq li l-Kristjani mgħandhomx jibżgħu jipparteċipaw fis-sofferenzi ta’ Kristu jekk Alla jrid li jaffrontaw din it-tbatija. Semma kif il-Papa Gwanni Pawlu t-Tieni sofra pubblikament matul l-aħħar snin ta’ ħajtu.
Sadanittant, is-Sibt ukoll il-Papa Benedittu Sittax iltaqa’ b’mod privat ma’ ħamsa mill-vittmi tal-allegati abbużi sesswali imwettqa minn xi qassisin. Il-Vatikan qal li l-Papa ħassu kommoss minn dak li qalulu dawn, u mill-ġdid esprima d-dispjaċir tiegħu dwar dak li sofrew huma u l-familji tagħhom. Talab ma’ dawn il-vittmi u qal li l-Knisja qed tagħmel dak kollu possibbli biex tivverfika l-akkużi u tressaq quddiem il-ġustizzja r-reliġjużi li huma ħatja ta’ dawn il-krimini.