Il-Papa Benedittu XVI bagħat il-messaġġ tiegħu lill-Arċisqof ta’ Milan, joffri l-kondoljanzi wara l-mewt tal-Kardinal Carlo Martini li miet fl-eta ta’ 85 sena. Il-Kardinal ilu għall-aħħar snin marid bil-marda tal-Parkinson.
Il-Papa innota kif il-Kardinal għex il-marda tiegħu “b’serenita” u kif “qagħad għar-rieda ta’ Alla”.
Benedittu XVI assigura s-solidarjeta tiegħu ma’ dawk kollha sogħbiena għal din it-telfa.
Carlo Martini kien ordnat saċerdot fi ħdan is-Soċjeta ta’ Ġesu fl-1952 fl-eta ta’ 25 sena. Huwa serva bħala Arċisqof ta’ Milan mill-1979 sakemm irtira fl-2002. Huwa kien nominat bħala Kardinal fl-1983.
Il-Papa qal li Martini “kien qaddej ġeneruż tal-vanġelu u tal-Knisja. Niftakar iż-żelu li bih kien iwettaq il-ħidma appostolika tiegħu bħala reliġjuż li dejjem mexa fuq il-passi ta’ San Injazju. Kien għalliem eċċezzjonali, skular bibbliku awtorevoli u rettur stmat tal-Universita Gregorjana Pontifiċja u tal-Istitut Bibbliku Pontifiċju, u kif ukoll Arċisqof għaref”.
“Ma ninsiex ukoll fis-servizz li ta lill-Kelma t’Alla, speċjalment bil-promozzjoni tal-Lectio Divina”, kompla l-Papa.