Papa Franġisku ċċelebra d-devozzjoni reliġjuża bħala mezz ta’ trasmissjoni tal-fidi u l-kultivazzjoni tagħha fil-kattoliċi ordinarji waqt li qal li għandha tkun prattikata f’komunjoni mal-ġerarkija sabiex tinżamm l-għaqda fil-Knisja. Fl-aħħar udjenza pubblika tiegħu fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, il-Papa qal li “d-devozzjoni reliġjuża hi t-triq li twassal għal dak li hu essenzjali, ġaladarba hi mgħixafil-Knisja f’komunjoni mal-mexxejja spiritwali”. Huwa kien qed jindirizza fost oħrajn mal-50,000 membru ta’ konfraternitajiet tradizzjonali minn diversi pajjiżi Ewropej.
Fil-ġurnata nazzjonali ddedikata lit-tfal vittmi tal-vjolenza, il-Kap tal-Knisja Kattolika sellem lill-Assoċjazzjoni ‘Meter’ u qal li ħa l-opportunita biex jaħseb f’dawk li sofrew u għadhom isofru minħabba l-abbuż. Qal li ried jassigurahom it-talb tiegħu u tal-Knisja, fl-istess waqt li ħeġġeġ “impenn minn kulħadd, b’sens ta’ kuraġġ, sabiex il-persuna umana, speċjalment it-tfal li huma fost l-iktar vulnerabbli, ikunu dejjem protetti”.