Il-Papa Benedittu XVI iddeskriva lill-ex-President Malti Guido De Marco bħala eżempju għall-politiċi kollha. Skont Radju Vatikan, il-Papa klassifika lil Guido De Marco bħala “fine statesman”. De Marco miet fit-12 t’Awwissu fl-eta ta’ 79 sena. Fost karigi oħra, huwa serva bħala President tar-Repubblika ta’ Malta bejn l-1999 u l-2004, is-sena li matulha Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Funeral statali sar it-Tnejn li għadda. Fi tmiem is-servizz, inqara l-messaġġ tal-Papa ffirmat mis-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Tarcisio Bertone.
Il-messaġġ innota “l-kontribut siewi ta’ Guido De Marco mhux biss fuq livell ta’ Affarijiet Interni ta’ Malta iżda wkoll fil-ħajja tal-komunita internazzjonali, speċjalment fil-perjodu meta huwa serva bħala President tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda”.
Kien f’April li għadda meta l-Papa Benedittu XVI, fi żjara li għamel f’Malta, sellem personalment lil De Marco.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Papa fakkar bi stima kbira l-fatt li De Marco “iddistingwa lilu nnifsu fis-servizz tan-nazzjon Malti għal snin twal. Ta wkoll xiehda tal-fidi tiegħu fi Kristu fl-eżerċizzju tal-ħajja politika tiegħu”. Kien f’dan il-kuntest li l-Papa temm jipproponi “lil min hu involut fil-politika sabiex iħalli li jkun ispirat mill-eżempju tiegħu”.
Imwieled il-Belt Valletta fit-22 ta’ Lulju 1931, Guido De Marco serva wkoll bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin fl-1990, meta kien elett ukoll President tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda.