F’żewġ messaġġi separati l-Papa Franġisku wassal il-ħsibijiet tiegħu f’okkażjoni partikolari – l-ewwel lill-President Taljan Giorgio Napolitano, li reġa’ kien elett President, u t-tieni lill-Isqof ta’ Texas fl-Istati Uniti tal-Amerka wara l-isplużjoni tal-impjant tal-fertilizzant li fil-jiem li għaddew ħalla mal-14-il persuna mejta u mijiet midruba.
Fl-ewwel ittra, il-Papa irrikonoxxa s-sens ta’ sagrifiċċju ta’ Napolitano li reġa’ aċċetta l-Presidenza u wegħdu t-talb tiegħu sabiex isib il-koperazzjoni biex jibni ġejjieni armonjuż, solidali u ta’ tama għall-Italja, anki fi żmien li miegħu iġib inċertezza u sfidi kbar.
Fit-tieni ittra, il-Papa wera sogħba għall-inċident fl-impjant f’Texas li ħalla qerda mhux biss fl-inħawi imma anki ta’ ħajjiet. Huwa ta l-kondoljanzi lill-awtoritajiet ċivili u lill-familji milquta u wiegħed it-talb, waqt li ħeġġeġ għall-ġenerożita ta’ kull min jista’ jgħin fil-ħidma ta’ solidarjeta mal-vittmi u l-qraba tagħhom.