Is-Segretarju tal-iStat tal-Vatikan, il-Kardinal Tarcisio Bertone bagħat messaġġ f’isem il-Papa lill-Kardinal Vinko Puljic, Arċisqof ta’ Vrhbosna-Sarajevo, Bosnia u Herzegovina, b’tislima partikolari lill-komunitajiet insara u lir-reliġjonijiet kbar tad-dinja, “kif ukoll lill-popolazzjoni ta’ Sarajevo tant għal qalbu”, flimkien mal-parteċipanti tas-26 Laqgħa Internazzjonali għall-Paċi organizzata mill-Komunita San Eġidjo fl-istess belt.
“Hu għajn ta’ ferħ u serħan li tara dan il-pellegrinaġġ ta’ paċi li nbeda mill-Beatu Ġwanni Pawlu II f’Assisi f’Ottubru 1986, ikompli jħalli l-frott”, kiteb il-Kardinal.
Huwa fakkar ukoll kif il-Papa Benedittu XVI nieda wkoll minn Assisi “l-aleanza bejn poplu ta’ reliġjon u oħra li ma jħossu ebda sens ta’ qrubija jew ġibda lejn xi tradizzjoni reliġjuża, pero li fl-istess waqt b’mod sinċier qed ifittxu l-verita. Qal li l-Papa għamel hekk għax jemmen li djalogu sinċier u profond jista’ jwassal għal impenn konġunt lejn il-paċi miż-żewġ naħat”.
Il-Kardinal Bertone jtemm jgħid li “bit-tama li l-laqgħa tħalli l-frott mixtieq, il-Papa jingħaqad spiritwalment ma’ dawk kollha preżenti, b’konvinzjoni li l-Mulej ikompli jdawwal it-toroq li jwasslu għall-paċi bejn il-popli”.