Il-Papa Benedittu XVI ħabbar l-ismijiet ta’ 24 Isqof li se jsiru Kardinali, 20 minnhom jikkwalifikaw għal eletturi fil-każ ta’ konklavi għall-ħatra ta’ Papa ġdid. Il-Papa ħabbar dan fi tmiem l-udjenza ġenerali ta’ din il-ġimgħa. L-24 se jsiru kardinali f’konċistorju fl-20 ta’ Novembru, lejliet is-solennita ta’ Kristu Sultan. Dan se jkun it-tielet konċistorju s’issa fil-pontifikat ta’ Benedittu XVI. Iż-żewġ konċistorji li saru s’isa kienu fl-24 ta’ Marzu 2006 u fl-24 ta’ Novembru 2007.
Fl-indirizz tiegħu, il-Papa qal li l-kardinali għandhom id-dover “jgħinu lis-suċċesur ta’ Pietru biex iwettaq il-missjoni tiegħu bħala s-sors u l-bażi permanenti u viżibbli tal-għaqda tal-fidi u l-komunjoni fi ħdan il-Knisja”. Il-maġġoranza tal-kardinali l-ġodda, 15, huma Ewropej, 10 minnhom ġejjin mill-Italja. Fil-grupp, 4 huma mill-Ameriki, 4 oħra mill-Afrika u wieħed mill-Asja. Wara dan il-konċistorju, in-numru sħiħ ta’ kardinali se jlaħħaq il-203, li 121 minnhom ikunu eletturi għax għandhom inqas minn 80 sena.
Il-kardinali l-ġodda, li se jkunu eletturi, se jkunu;
— L-Arċisqof Angelo Amato, Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin
— Il-Patrijarka Antonios Naguib ta’ Alexandria tal-Kopti fl-Eġittu
— L-Arċisqof Robert Sarah, President tal-Kunsill Pontifiċju Cor Unum
— L-Arċisqof Francesco Monterisi, Arċipriet tal-Bażilika Papali ta’ San Pawl Barra s-Swar
— L-Arċisqof Fortunato Baldelli, Penitenzjarju ewlieni tal-Penitenzjarju Appostoliku
— L-Arċisqof Raymond Leo Burke, Prefett tat-Tribunal Suprem ta’ Senjatura Appostolika
— L-Arċisqof Kurt Koch, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda Nisranija
— L-Arċisqof Paolo Sardi, Viċi fil-Kamra Appostolika
— L-Arċisqof Mauro Piacenza, Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Kleru
— L-Arċisqof Velasio De Paolis, President tal-Prefettura għall-Affarijiet Ekonomiċi tas-Santa Sede
— L-Arċisqof Gianfranco Ravasi, President tal-Kunsill Pontifiċju tal-Kultura
— L-Arċisqof Medardo Joseph Mazombwe, Arċisqof irtirat ta’Lusaka, fiż-Żambja
— L-Arċisqof Raúl Eduardo Vela Chiriboga, Arċisqof irtirat ta’ Quito, fl-Ekwador
— L-Arċisqof Laurent Monsengwo Pasinya ta’ Kinshasa, fir-Repubblika Domenikana tal-Kongo
— L-Arċisqof Paolo Romeo ta’ Palermo, l-Italja
— L-Arċisqof Donald Wuerl ta’ Washington
— L-Arċisqof Raymundo Damasceno Assis ta’ Aparecida, fil-Brażil
— L-Arċisqof Kazimierz Nycz ta’ Varsavja, fil-Polonja
— L-Arċisqof Albert Malcolm Ranjith Patabendige Don ta’ Kolomba fi Sri Lanka
— L-Arċisqof Reinhard Marx ta’ Munich u Freising, fil-Ġermanja
Il-Papa eleva għad-dinjita ta’ kardinali żewġ Isqfijiet oħra u żewġ saċerdoti li huma t’iktar minn 80 sena u għalhekk mhux eletturi. Huwa rrikonoxxa l-ġenerożita u d-dedikazzjoni tagħhom fil-qadi tal-Knisja. Dawn jinkludu;
— L-Arċisqof José Manuel Estepa Llaurens, Arċisqof irtirat tal-militar Spanjol
— L-Isqof Elio Sgreccia, ex-President tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja
— Mons Walter Brandmuller, ex-President tal-Kumitat Pontifiċju tax-Xjenzi Storiċi
— Mons Domenico Bartolucci, ex-Direttur tal-Kor Pontifiċju