Papa Franġisku ppresieda l-ewwel ċerimonja ta’ Kanonizzazzjoni quddiem folla ta’ eluf ta’ persuni li kienu preżenti fi Pjazza San Pietru. Mijiet ta’ persuni ġew proklamati qaddisin għall-Knisja Kattolika fosthom martri tas-seklu ħmistax li kienu mietu martri għax irrifjutaw li jikkonvertu għar-reliġjon Musulmana.
Il-Martri ta’ Otranto jammontaw għal 813–il persuna Taljana li kienu mħanxra fl-1480 meta rrifjutaw li jilqgħu l-impożizzjoni tat-Torok li jaqilbu għar-reliġjon Musulmana.
Il-Papa kkanonizza wkoll l-ewwel qaddisa tal-Kolombja, Sor Laura ta’ Santa Katarina ta’ Siena Montoya li fl-1914 vjaġġat fuq iż-żiemel fil-foresti sabiex isservi ta’ gwida spiritwali għan-nies indiġeni. Il-President tal-Kolombja Juan Manuel Santos Calderon kien fost il-mistiedna distinti waqt din iċ-ċerimonja.
Papa Franġisku kkanonizza ukoll mara Messikana Maria Guadalupe Zavala li ddedikat ħajjitha għall-infermerija ma’ nies morda u li għenet il-Kattoliċi sabiex jevitaw il-persekuzzjoni waqt ix-xoljiment ta’ gvern fl-għoxrinijiet. Hija rnexielha taħbi lill-Arċisqof ta’ Guadalajara fi klinika speċjalizzata fil-kura tal-għajnejn għal iktar minn sena wara li familji kattoliċi fi Guadalajara rrifjutaw li jtuh refuġju.
Il-qaddisin il-ġodda kienu approvati għall-kanonizzazzjoni f’digriet moqri mill-Papa Benedittu XVI fil-11 ta’ Frar li għadda waqt iċ-ċerimonja ta’ riżenja mill-Pontifikat.
Fl-omelija tieg]u, Papa Franġisku qal li l-eżempju ta’ dawn il-qaddisin ġodda huwa għalina ta’ sfida. Ħa l-okkażjoni biex iħeġġeġ lill-insara jeżaminaw lilhom infushom billi jistaqsu kemm qed ikunu fidili lejn Kristu, kemm qed jistqarru l-fidi b’rispett u b’kuraġġ u kemm qed ikunu sensittivi għall-oħrajn, speċjalment dawk fil-bżonn.