Bħal ma hi t-tradizzjoni fil-festa tal-magħmudija tal-Mulej, il-Papa Benedittu XVI għammed grupp ta’ trabi u fl-okkażjoni, eżortaha lill-ġenituri sabiex iduru lejn Alla bit-talb. Qalilhom li Alla jaf lil uliedhom iktar milli jafuhom huma. “Li tedukaw hi sfida li titlob impenn, pero hi missjoni kbira – jekk titwettaq f’kollaborazzjoni ma’ Alla, li hu l-ewwel u l-veru edukatur ta’ kull bniedem”, qal il-Papa fil-Kappella Sistina.
B’referenza għall-qari tal-quddies, il-Papa tkellem dwar il-Kelma t’Alla u s-Sagramenti bħala “għejjun ta’ salvazzjoni” u kompla li “l-adulti huma l-ewwel li jeħtieġu nutriment minn dawn is-sorsi, bil-għan li jkunu imbagħad jistgħu jiggwidaw liż-żgħażagħ fit-tkabbir tagħhom”.
Żied li “sakemm il-ġenituri għandhom ħafna x’jagħtu, iridu jagħmlu ċert li qed jirċievu biżżejjed biex ikunu jistgħu jagħtu. L-edukatur veru mhux possessiv, imma hu dak li jrid lil uliedu jew id-dixxipli tiegħu jitgħallmu x’inhi l-verita u jirrelataw magħha. Sakemm l-adult jeduka, jibqa’ wkoll preżenti bl-eżempju ħaj tiegħu għal min qed jitgħallem”.
B’referenza ċara għall-magħmudija ta’ Ġesu, il-Papa Benedittu XVI qal li “fl-edukazzjoni liż-żgħar tagħna, m’aħniex waħedna, u x-xiehda tagħna hi appoġġjata mill-Ispirtu s-Santu”.
Kien hawn li l-Papa appella lill-ġenituri u lill-parrinijiet sabiex jemmnu bis-sħiħ fil-preżenza u fl-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, invokata bit-talb u fis-sagramenti – għax fi kliemu, “huwa Dak li jnebbaħ il-moħħ u jassisti fit-trasmissjoni tat-tagħrif u l-imħabba ta’ Kristu”.
Temm jgħid li t-talb huwa rekwiżit importanti għal din l-edukazzjoni. Fi kliemu, dan jissaħħaħ mis-Sagramenti – partikolarment il-Qrar u t-Tqarbin- li jippermettu lill-individwu jeduka f’għaqda sħiħa ma’ Kristu.