Il-Kulleġġ tal-Kardinali u dawk li se jkunu qed jingħaqdu fi ħdanu f’konċistorju nhar it-18 ta’ dax-xahar, se jingħaqdu f’ġurnata talb u riflessjoni fuq stedina tal-Papa Benedittu XVI.
Dan ħabbru l-Vatikan meta qal li t-talb se jkun qed jiffoka fuq “it-tħabbira tal-Vanġelu llum, bejn ‘missio ad gentes’ u l-evanġelizzazzjoni l-ġdida”, tema li se tkun introdotta mill-Kardinal-elett Timothy Dolan ta’ New York, li huwa l-President tal-Konferenza Episkopali Amerikana.
Il-jum ta’ talb se jkun jinkludi wkoll rapport dwar is-Sena tal-Fidi, li għad trid tibda. Dan ir-rapport se jkun qed jagħtih il-President tal-Kundill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni l-ġdida, l-Arċisqof Salvatore Fisichella.
Il-ġurnata ta’ talb se tibda fl-10am bil-lawdi u tagħlaq fil-5pm bil-vespri.
Fost dawk preżenti se jkun hem mil-Kardinal-elett Malti P.Prospero Grech. Sal-konċistorju, wieħed jista’ jsegwi servizz differenti kuljum dwar P.Prospero Grech fl-aħbarijiet ta’ Radju RTK103FM.
Sadattant tħabbar ukoll li minħabba mard, il-Kardinal-elett Karl Josef Becker, Ġiżwita, mhux se jkun qed jingħaqad ma’ sħabu fil-Konċistorju pubbliku, imma jsir Kardinal f’ċerimonja privata iżjed tard.