Il-fejqan kien it-tema tal-indirizz li l-Papa għamel fl-udjenza ta’ nhar il-Ħadd fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan. Il-Papa rrefera għal-liturġija tal-ġurnata fejn bniedem marid bil-ġdiem jersaq lejn Ġesu u jgħidlu: “Jekk trid tista’ tfejjaqni” u Ġesu jwieġbu: “Irrid. Kun imfejjaq”.
Benedittu XVI ifisser li “f’dak il-ġest u fil-kliem ta’ Ġesu, hi miġbura l-istorja kollha tas-salvazzjoni – ir-rieda ta’ Alla li jfejjaq u li jnaddaf il-ħażen li jeqred ir-relazzjonijiet tagħna”.
Il-Kap tal-Knisja jżid jitkellem dwar dak li jsejjaħ “kummentarju eżistenjali” fis-silta evanġelika kif riflessa fil-ħajja ta’ San Franġisk li ra lill-Ġesu f’persuna marida bil-ġdiem. F’tali każi tidher “ir-rebħa ta’ Ġesu riflessa fil-fejqan profond ġo fina u l-qawmien għal ħajja ġdida”.
Ikkonkluda b’talba lil Marija Santissma, li lbieraħ tfakkret id-dehra tagħha f’Lourdes, u qal li l-messaġġ li għaddiet lil Bernadetta hu messaġġ li jibqa’ jgħodd f’kull żmien, li hu s-sejħa għat-talb u l-indiema.
Fi tmiem l-udjenza, il-Papa għamel appell urġenti għall-waqfien mill-vjolenza u t-tixrid tad-demm fis-Sirja. Appella wkoll lill-komunita internazzjonali għat-talb għall-vittmi tal-kunflitt u sejjaħ, speċjalment lill-awtoritajiet politiċi fis-Sirja, sabiex jagħżlu t-triq tad-djalogu u r-rikonċiljazzjoni waqt li jimpenjaw irwieħhom għall-paċi.