Il-Papa Benedittu XVI talab sabiex is-summit li qed ilaqqa’ lill-mexxejja tal-pajjiżi bl-ikbar ekonomiji fid-dinja, isib mezzi kif tingħeleb il-kriżi ekonomika kurrenti, u jkun promoss żvilupp reali. Fi tmiem l-udjenza ġenerali ta’ kull nhar t’Erbgħa, dil-ġimgħa l-Papa għamel appell speċjali lill-mexxejja tal-Ġ-20 li qed jiltaqgħu f’summit bejn illum u għada f’ Cannes fi Franza.
“Nittama li s-summit jgħin fis-soluzzjoni ta’ diffikultajiet li fuq livell globali qed joħonqu l-promozzjoni tal-iżvilupp uman u integrali awtentiku”, qal Benedittu XVI.
Il-membri tal-Ġ-20 huma l-Arġentina, l-Awstralja, il-Brażil, il-Kanada, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, l-Indja, l-Indonedja, l-Italja, il-Ġappun, il-Messiku, ir-Russja, l-Għarabja Sawdita, l-Afrika t’Isfel, il-Korea t’Isfel, it-Turkija, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea.
Fid-dawl tas-summit li għaddej fi Franza bħalissa, il-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u Paċi, ħareġ dokument fejn appella għall-ħolqien gradwali ta’ awtorita politika dinjija b’poteri wiesgħa li jirregolaw is-swieq finanzjarji, li sservi ta’ gwida f’xena ta’ żvilupp kapitalista mimli tfixkil, u li tippromwovi l-iżvilupp u l-ġid komuni”.
Il-Papa ma naqasx milli jirreferi għall-ġurnata ddedikata lill-mejtin kollha. Tkellem dwar il-ħtieġa li l-kattoliċi jgħixu b’mod li juru ċar it-twemmin tagħhom fil-ħajja ta’ dejjem.