Il-Papa Benedittu XVI qed jissottolinea l-importanza taż-żagħżagħ fix-xewqa ta’ ġustizzja u paċi, pero jgħid li biex wieħed jedukaw irid jistaqsihom il-mistoqsija “Min hu l-bniedem?” Il-Papa inkoraġixxa lil kull grad tal-edukaturi – mill-familji għall-politikanti, sal-professjonisti fil-kamp tal-media – sabiex jifhmu lill-individwi jew l-istudenti taħt ir-responsabbilta tagħhom. Huwa għamel dan l-appell fil-messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji ddedikat lill-Ġustizzja u l-Paċi u mfakkar fl-1 ta’ Jannar. Il-messaġġ kien ippubblikat mill-Vatikan.
“L-ewwel pass fis-sistema edukattiva huwa t-tagħlim li jirrikonoxxi x-xbieha t’Alla fil-bniedem, u konsegwentament l-għajnuna li wieħed jingħata biex jgħix ħajja konsonanti mad-dinjita suprema tiegħu”. Kompla li wieħed irid iqis b’importanza d-dimensjoni singola ta’ kull persuna, anki tat-traxxendenti.
L-istqarrija tal-Papa titkellem dwar edukazzjoni fil-liberta, fil-ġustizzja u finalment, fil-paċi. “Il-Liberta hi valur prezzjuż, pero fraġli. Tista’ faċilment tkun misinterpretata u wżata ħażin”. Qal li l-liberta awtentika “mhix in-nuqqas ta’ limitazzjonijiet jew is-supremazija tar-rieda ħielsa, lanqas ma hi l-assolutiżmu tal-persuna. Meta wieħed jemmen fih innifsu bħala l-assolut, jaħseb li mhu bżonn ħadd u xejn, hu jispiċċa jikkontradixxi lilu nnifsu, l-istess liberta tiegħu”.
Il-Papa ma naqasx milli jirreferi għall-iżbalji tar-relattiviżmu – messaġġ li jipprevali fil-pontifikat tiegħu.