Ritratt: Vatican Media

Wara l-Udjenza Ġenerali ta’ dalgħodu l-Papa Franġisku reġa’ ddaħħal l-isptar għall-vista wara li aktar kmieni din il-ġimgħa kellu s-sintomi tal-influwenza.

Il-Papa Franġisku, li għandu 87 sena, aktar kmieni ddaħħal fis-sala permezz ta’ siġġu tar-roti u deher għajjien ħafna. Dalgħodu fis-Sala Pawlu VI tal-Vatikan, waqt l-Udjenza Ġenerali hu kompla s-sensiela ta’ katekeżi tiegħu dwar il-virtujiet u l-vizzji. Din il-ġimgħa huwa rrifletta u eżamina l-għira u l-vanità.

Il-Papa li ilu jbati mill-influwenza, iddaħħal fi sptar fiċ-ċentru ta’ Ruma wara l-udjenza. Hu wasal fl-Isptar Gemelli f’Isola Tiberina b’Fiat 500 żgħira bajda u reġa’ telaq taħt skorta fl-istess karozza wara ftit tal-ħin.

Sa jumejn ilu l-Papa Franġisku kien għad għandu sintomi ħfief tal-influwenza li kienu qed ikomplu jippersistu mingħajr deni. F’komunikat mill-Vatikan kien intqal li minħabba f’hekk il-laqgħat ta’ dakinhar filgħodu ġew sospiżi bħala prekawzjoni.

Is-Sibt li għadda, il-Papa Franġisku ħassar l-impenji tiegħu “bħala miżura preventiva”.

Il-Papa jagħmel udjenzi regolari ma’ uffiċjali tal-Vatikan nhar ta’ Sibt kif ukoll laqgħat privati.

Sors: Newsbook Malta