Ritratt: Miguela Xuereb

Il-Papa Franġisku keċċa 10 persuni wara li minn investigazzjoni mmexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna, ġew żvelati abbużi ta’ naturi differenti fil-moviment Kattoliku Sodalitium Christianae Vitae (Sodalità tal-Ħajja Nisranija – SDV), fil-Perù.

Din it-tkeċċija ta’ 10 persuni fosthom isqof, saċerdoti kif ukoll lajċi, ġiet wara li x-xahar li għadda, il-fundatur ta’ SDV Luis Fernando Figari Rodrigo tkeċċa mill-SDV skont il-Kodiċi tal-Liġi Kanonika.

Dan kien seħħ b’digriet mid-Dekasteru għall-Istituti tal-Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet tal-Ħajja Appostolika.

Fost l-abbużi msejħin sadistiċi, kien hemm abbuż ta’ poter, ta’ awtorità kif ukoll ta’ natura spiritwali.

X’wassal għal din id-deċiżjoni?

Skont l-istqarrija tal-SDV, fl-2011 kienu rċevew l-ewwel rapporti li wasslu għal investigazzjoni immedjata.

Għaldaqstant wara tliet snin ta’ investigazzjoni, is-Sodalitium impona miżuri dixxiplinarji kontra l-fundatur tiegħu stess. Dan wara li semgħu bosta esperjenzi ta’ abbużi li ġew approvati mis-Santa Sede.

Għaldaqstant fl-2016, Figari ġie meqjus mill-moviment li waqqaf hu stess bħala persona non grata.

Sena wara, is-Santa Sede wkoll impona miżuri dixxiplinarji kontra l-fundatur, minkejja n-numru ta’ appelli li ressaq il-fundatur.

Sors: Newsbook Malta