Il-Laqgħa Dinjija tal-Familji li jmiss hija fl-2012. Minkejja dan, il-Papa Benedittu XVI qed jitlob diġa l-familji u l-parroċċi biex jibdew jitħejjew, in vista wkoll tal-eżortazzjoni appostolika tal-Papa Ġwanni Pawlu II ‘Familiaris Consortio’.
Il-Papa għamel dan l-appell f’ittra lill-President tal-Kunsill Pomntifiċju għall-Familja, il-Kardinal Ennio Antonelli, liema ittra kienet ippubblikata din il-ġimgħa.It-tema għal-Laqgħa Dinjija li jmiss, li se tkun is-seba’ waħda, se tkun IL-FAMILJA: XOGĦOL U ĊELEBRAZZJONI. L-ittra tal-Papa rriflettiet fuq dawn it-temi flimkien mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-mistrieħ.
“Ix-xogħol u ċ-ċelebrazzjoni huma marbuta ma’ xulxin fil-ħajja tal-familji, jikkundizzjonaw l-għażliet, jinfluwenzaw ir-relazzjonijiet bejn il-koppji miżżewġa u bejn il-ġenituri u l-ulied, u jolqtu r-relazzjoni bejn is-soċjeta u l-Knisja”, qal il-Papa. “L-Iskrittura Mqaddsa tgħidilna li l-familja, ix-xogħol u l-jiem ta’ festa huma barkiet minn Alla li jgħinuna ngħixu l-eżistenża umana sħiħa”.
F’dan id-dawl, il-Papa lmenta mill-element ta’ kompetizzjoni fis-suq u massimizzazzjoni ta’ profitti u fl-istess waqt mill-fatt li l-kunċett ta’ mistrieħ jew ċelebrazzjoni sar “okkażjoni ta’ ħarba jew konsum”. Huwa temm jgħid li dawn il-fatturi “qed jikkontribwixxu għat-tkissir tal-familja u tal-komunita, kif ukoll għat-tixrid tal-istil tal-ħajja individwalista”.