Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb
F’dal-ħames Ħadd tar-Randan, il-liturġija tħabbar l-Evanġelju li fih Ġwanni jirrakkonta episodju lejn l-aħħar jiem tal-ħajja ta’ Kristu, ftit qabel il-passjoni (cfr Ġw 12,20-33). Meta Ġesù kien qiegħed Ġerusalemm għall-festa tal-għid, xi griegi, imqanqlin mill-kurżità minħabba dak li kien jagħmel, jistqarru x-xewqa li jarawh. Jersqu lejn l-Appostlu Filippu u jgħidulu: “Nixtiequ naraw lil Ġesù” (v. 21). “Nixtiequ naraw lil Ġesù” Niftakruha dix-xewqa: “Nixtiequ naraw lil Ġesù”. Filippu jmur jgħid dan lil Indrì u flimkien imorru jtarrfuh lill-Imgħallem. Fit-talba ta’ dawk il-griegi nistgħu nilmħu l-mistoqsija li tant irġiel u nisa, minn kull imkien u f’kull żmien, jagħmlu lill-Knisja u anki lil kull wieħed u waħda minna: “Nixtiequ naraw lil Ġesù”.
U kif iwieġeb Ġesù għal dik it-talba? B’mod li jtik x’taħseb. Jgħid hekk: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun igglorifikat … jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (vv. 23-24). Dal kliem donnu mhux tweġiba għat-talba magħmula minn dawk il-griegi. Fil-verità jmorru aktar ‘l hinn. Infatti, Ġesù juri li Hu, għal kull bniedem li jrid ifittxu, huwa ż-żerriegħa moħbija lesta biex tmut ħalli tagħti ħafna frott. Qiesu ried jgħid: jekk tridu ssiru tafuni, jekk tridu tifhmuni, ħarsu lejn il-ħabba tal-qamħ li tmut fl-art, jiġifieri ħarsu lejn is-salib.
Moħħna jmur fuq is-sinjal tas-salib, li matul is-sekli sar l-emblema per eċċellenza tal-insara. Min, illum ukoll, irid “jara lil Ġesù”, imqar jekk ġej minn pajjiżi u kulturi fejn il-kristjaneżmu mhux tant magħruf, x’jara l-ewwel u qabel kollox? Liema hu s-sinjal komuni li jiltaqa’ miegħu? Il-Kurċifiss, is-salib. Fil-knejjes, fid-djar tal-insara li wkoll iġorruh fuqhom. L-importanti hu li s-sinjal ikun koerenti mal-Evanġelju: is-salib ma jista’ jesprimi xejn aktar ħlief imħabba, servizz, għotja tiegħek innifsek bla riservi: hekk biss dan ikun verament “is-siġra tal-ħajja”, tal-ħajja sovrabbundanti.
Illum ukoll, tant bnedmin, spiss bla ma biss jgħiduha, b’mod impliċitu, jixtiequ “jaraw lil Ġesù”, jiltaqgħu miegħu, isiru jafuh. Min hawn nifhmu r-responsabbiltà kbira tagħna l-insara u tal-komunitajiet tagħna. Aħna wkoll irridu nwieġbu bix-xhieda ta’ ħajja li tingħata bħala servizz, ħajja li tagħmel tagħha l-istil ta’ Alla – qrubija, ħniena u tenerezza – li tingħata bħal servizz. Ifisser li tinżera’ żerriegħa ta’ mħabba mhux bil-kliem li jtir mar-riħ, imma b’eżempji konkreti, sempliċi u kuraġġużi, mhux bil-kundanni teoriċi, imma bil-ġesti ta’ mħabba. Allura, bil-grazzja tiegħu, il-Mulej jgħinna nagħmlu l-frott anki meta l-art tkun niexfa minħabba nuqqas ta’ ftehim, diffikultajiet u persekuzzjonijiet, jew stħajjil ta’ legaliżmi jew moraliżmi klerikali. Din hi art niexfa. Propju dak il-ħin, waqt il-prova u s-solitudni, waqt li ż-żerriegħa tkun qed tmut, dak hu l-waqt li fih twarrad il-ħajja biex fi żmienha tagħti frott matur. Huwa f’din in-nisġa ta’ mewt u ħajja li nistgħu nġarrbu l-ferħ u l-veru fekondità tal-imħabba, li dejjem, intenni, tingħata bl-istil ta’ Alla: qrubija, ħniena, tenerezza.
Il-Verġni Marija tgħinna mmorru wara Ġesù, nimxu qawwijin u henjin fit-triq tas-servizz, sabiex l-imħabba ta’ Kristu tilma f’kull atteġġjament tagħna u ssir dejjem aktar l-istil tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Wara l-Angelus:
Għeżież ħuti,
illum fl-Italja hawn iċ-ċelebrazzjoni tal-memorja u l-impenn b’tifkira tal-vittmi innoċenti tal-mafji. Il-mafji huma preżenti f’diversi nħawi tad-dinja u bl-isfruttament tal-pandemija qed jistgħanu bil-korruzzjoni. San Ġwanni Pawlu II kien ikkundanna din “il-kultura tal-mewt” u Benedittu XVI ikkundannahom u sejħilhom “toroq tal-mewt”. Dawn l-istrutturi tad-dnub, strutturi mafjużi, kuntrarji għall-Evanġelju ta’ Kristu, jibdlu l-fidi mal-idolatrija. Illum niftakru fil-vittmi kollha u nġeddu l-impenn tagħna kontra l-mafji.
Għada jaħbat il-Jum Dinji tal-Ilma, li huwa stedina għalina biex nirriflettu dwar il-valur ta’ dan id-don meraviljuz u insostitwibbli ta’ Alla. Għalina li nemmnu, “ħuna l-ilma” mhux merċa: huwa simbolu universali u għajn ta’ ħajja u saħħa. Wisq ħutna bilkemm għandhom aċċess għal ftit ilma li forsi jkun ukoll imniġġes! Hemm ħtieġa li nkunu żguri li kulħadd ikollu ilma tax-xorb u s-servizzi iġjeniċi. Irrodd ħajr u ngħamel kuraġġ lil min, bi professjonalitajiet differenti u b’responsabbiltà, jaħdem għal dan l-għan tant importanti. Qed naħseb, per eżempju, fl-Università tal-Ilma, fil-patrija tiegħi, f’dawk li jaħdmu biex tibqa’ miexja ‘l quddiem u biex ifehmu kemm hu importanti l-ilma. Grazzi ħafna lilkom arġentini li taħdmu f’din l-Università tal-Ilma.
Insellem lilkom ilkoll magħqudin permezz tal-mezzi soċjali, b’fakra partikolari għall-morda u l-persuni waħedhom. Nawgralkom il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: Laikos