Il-Papa Franġisku beda kmieni bl-impenji tiegħu dalgħodu meta fit-8.00am (ħin lokali) iċċelebra quddiesa għall-fidili Kattoliċi fil-kapitali ta’ Papua New Guinea, Port Moresby, fl-aħħar jum sħiħ tat-tieni tappa fl-itwal Vjaġġ Appostoliku tiegħu.
Skont l-awtoritajiet lokali, għaċ-ċelebrazzjoni attendew madwar 35,000 ruħ, fosthom il-Prim Ministru tal-pajjiż James Marade.
Bogħod minn Alla
Fl-omelija tiegħu l-Papa rrifletta fuq il-qari tal-Vanġelu ta’ dan it-23 Ħadd ta’ Matul is-Sena, fejn Ġesù jfejjaq lit-trux imbikkem. Franġisku ffoka b’mod partikulari fuq żewġ elementi tal-istorja: il-“qrubija” ta’ Ġesù u d-“distanza” tar-raġel trux.
Dan kien imbiegħed ukoll għax kien mid-Dekapoli, fisser il-Papa, reġjun tal-pagani bogħod miċ-ċentru reliġjuż ta’ Ġerusalemm. Hu kien “maqtugħ mid-dinja, iżolat, priġunier tal-kundizzjoni tiegħu ta’ trux u mbikkem”.
Il-qrubija ta’ Ġesù
Il-Papa Franġisku saħaq li t-tweġiba ta’ Alla għal din id-distanza – li, innota, ilkoll ħassejna xi darba jew oħra – hi l-qrubija. Il-Vanġelu juri lil Ġesù jivvjaġġa fil-periferiji u jiltaqa’ ma’ dawk fil-marġini tas-soċjetà, biex “imiss il-ħajjiet u jneħħi d-distanzi”.
“Bil-qrubija tiegħu”, qal il-Papa, “Ġesù jfejjaq it-tbikkim u t-truxija tal-bniedem. Tabilħaqq, kull meta nħossuna mbiegħda, jew nagħżlu li nitbiegħdu minn Alla, minn ħutna jew minn dawk li huma differenti minna, aħna ningħalqu fina nfusna, ninqaflu ġewwa… Imma Ġesù jersaq qrib u, kif għamel mar-raġel trux, jgħidilna: ‘Effata’, li tfisser, ‘infetaħ’ (Mk 7:34)”.
Imbiegħda imma magħquda
Il-Papa għalaq l-omelija tiegħu billi ssuġġerixxa li l-Vanġelu għandu messaġġ partikulari għan-nies ta’ Papua New Guinea: “U intom, ħuti, li tgħixu f’din l-art hekk imbiegħda, forsi fl-immaġinazzjoni tagħkom taħsbu li intom mifruda, mifruda mill-Mulej, mifruda mill-bnedmin, u dan mhux sew, le: intom magħqudin, magħqudin fl-Ispirtu s-Santu, magħqudin fil-Mulej!”.
“Il-Mulej qed jgħid lil kull wieħed u waħda minnkom: ‘Infetaħ!’”, stieden il-Papa. “Din hi l-aktar ħaġa importanti: ninfetħu għal Alla, ninfetħu għal ħutna, ninfetħu għall-Vanġelu u nagħmluh il-boxxla tal-ħajja tagħna”.
Esperti tal-ġmiel
Wara nofsinhar il-Papa Franġisku vvjaġġa lejn il-belt remota ta’ Vanimo biex jirringrazzja lill-missjunarji għall-ħidma inkredibbli tagħhom u jgħid lin-nies li huma parti vitali u ħajja tal-Knisja.
“Qed tagħmlu xi ħaġa sabiħa”, qal lill-missjunarji, “u importanti li ma titħallewx waħidkom”, waqt li lin-nies qalilhom: “Intom esperti fil-ġmiel” għax jgħixu b’biċċa mid-dinja li qisha l-Ġnien tal-Għeden. Imma kompla li “l-ikbar teżor qiegħed f’qalbkom”.
Lit-tnejn li huma temm jgħidilhom: “Il-ġmiel tal-imħabba jista’ jsalva d-dinja”.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard