Il-Papa Benedittu XVI laqa’ grupp ta’ Kavallieri tal-Ordni ta’ Malta bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tad-900 anniversarju tal-organizzazzjoni tagħhom bħala Ordni Sovran Militari taħt il-protezzjoni tal-Papa. Kien fil-15 ta’ Frar 1113 li Papa Paskal II poġġa fin il-fraternita ospitaliera ta’ Ġerusalemm taħt il-protezzjoni tal-Knisja u taha status sovran waqt li kkostitwixxiha bħala Ordni bil-liġi tal-Knisja. Dan taha s-setgħa li taħtar is-superjuri tagħha mingħajr indħil minn xi awtoritajiet reliġjużi jew lajċi oħra.
Fir-rimarki tiegħi waqt li kien qed jindirizzahom fil-Vatikan, għaddaq iċ-ċelebrazzjoni mal-anniversarju tas-sena ddedikata lill-fidi u qal li “l-Knisja hi msejħa tissokta b’tiġdid tal-impenn u l-ferħ tagħha ta’ fidi f’Ġesu Kristu, l-uniku salvatur tad-dinja”. Waqt li faħħar lill-Ordni għad-disa’ sekli sħaħ ta’ fedelta lejn il-Knisja, Benedittu XVI stieden lill-Ordni jibqa’ miexi fuq l-istess passi “b’xiehda konkreta għall-qawwa trasformattiva tal-fidi”.
Sa mit-twaqqif tiegħu, l-Ordni ta’ Mlata ħadem b’dedikazzjoni sħiħa mal-morda, b’solidarjeta u promozzjoni umana, f’ħidma ispirata mill-impenn nisrani għall-għejxien tal-vanġelu. Huwa Ordni attiv f’iktar minn 120 pajjiż, b’appoġġ ta’ relazzjonijiet diplomatiċi ma’ 104 pajjiżi. L-Ordni jmexxi sptarijiet, ċentri mediċi, djar għall-kura tal-anzjani u l-persuni b’diżabilita u anki ċentri għal min hu marid b’mard terminali. F’ħafna pajjiżi l-voluntiera tal-Ordni jagħtu servizz tal-ewwel għajnuna, servizzi soċjali t’emerġenza u anki jagħmlu interventi umanitarji.
Il-Papa temm iħeġġeġ lill-Ordni sabiex tippreserva u tikkultiva l-karatterisitiċi tagħha f’ħidma f’armonija mal-Knisja u l-Maġisteru tagħha.