Iktar kmieni l-Papa Benedittu XVI beda żjara fil-Ġermanja. F’messaġġ li għadda lill-Parlament Federali f’Berlin huwa qal li “l-politika għandha tkun impenn lejn il-ġustizzja u għandha toħloq il-kundizzjonijiet essenzjali għall-paċi”. Fi kliemu “is-suċċess ta’ kull politikant hu subordinat għall-kriterju tal-ġustizzja, għar-rieda li jinforza l-liġi u anki għar-rieda li jifhem l-istess liġi”.
Benedittu XVI elabora kif il-bniedem jista’ jeqred lid-dinja u jimmanipula lilu nnifsu. Jista’ jagħti lok li jitwieldu bnedmin fid-dinja waqt li jċaħħad lil oħrajn mill-umanita tagħhom. F’dad-dawl spjega l-istorja bibblika narrata fl-ewwel ktieb ta’ Slaten, fejn Salamun idur lejn Alla u jitolbu qalb umli flimkien mal-għerf biex ikun kapaċi jagħraf it-tajjeb mill-ħażin. “Din it-talba tibqa’ attwali sal-lum quddiem min qiegħed fil-politika u min jagħmel il-liġijiet”, kompla l-Papa.
Il-Papa kompla jitkellem dwar l-importanza li wieħed iżomm quddiem għajnejh kontinwament d-dinjita umana. Jgħid fost oħrajn li “l-bniedem għandu natura li jrid jirrispetta u li ma jistax jimmanipula għar-raġunijiet egoistiċi tiegħu. Il-bniedem mhuwiex liberta maħluqa minnu nnifsu, lanqas ma joħloq lilu nnifsu. Huwa spirtu u rieda, imma wkoll natura. Jimxi fit-tajjeb meta jintuwixxi, jisma u jirrispetta lin-natura – meta jaċċetta lilu nnifsu kif inhu – u jaċċetta li hu maħluq minn forza ferm ikbar minnu”.