• Għalkemm is-Segrertarjat tal-Komunikazzjoni hu fost l-iżgħar dipartimenti fi ħdan il-Vatikan, għaliex beda jaħdem sentejn ilu, irnexxielu jbiddel il-mod ta’ kif taħdem il-midja tas-Santa Sede, ħaġa li kien il-Papa stess li wera din ix-xewqa.
     
    Il-Papa Franġisku qal: “Intom (għas-Segretarjat tal-Komunikazzjoni) realtà ġdida li qed timxi ‘l quddiem b’passi irriversibbli. Fil-każ tagħkom, mhuwiex biss il-każ li tikkordinaw jew tgħaqqdu d-dekasteri flimkien, iżda li tibnu mill-ġdid istituzzjoni tajba u li taħdem.
     
    Is-Segrertarjat tal-Komunikazzjoni tal-Vatikan irnexxieli jgħaqqad u jikkordina l-ħidma tar-Radju tal-Vatikan, tal-Vatican Television Center u tal-gazzetta L’Osservatore Romano. Jieħu ħsieb ukoll imexxi l-uffiċċju stampa tal-Vatikan. L-isfida hi li jsibu mod ta’ kif jippjanaw u jmexxu l-aħbarijiet f’dawn id-dipartimenti kollha, mingħajr ma kull dipartiment jitlef l-identità u l-enerġija tiegħu.
     
    Sabiex jinkiseb dan kollu, il-Papa talab lill-ħaddiema tas-Segretarjat sabiex jaħdmu flimkien bħala tim, u ma jiggranfawx “mal-passat glorjuż”, u li fuq kollox jaħdmu sabiex jegħlbu l-isfidi tar-realtà tal-lum.