Il-Papa Benedittu XVI qal li min jitlob m’hu qatt waħdu. Fir-riflessjonijiet tiegħu qabel it-talba tal-Angelus, il-Kap tal-Knisja Kattolika enfasizza l-importanza tat-tyalb, speċjalment permezz tat-talba tal-Missierna, skont il-vanġelu tal-ġurnata, li fih id-dixxipli daru fuq Ġesu u talbuh jgħallimhom jitolbu.
Il-Papa kompla li meta wieħed jitlob bil-Missierna, ikun qed jingħaqad mal-Knisja. “Kull min jemmen jeħtieġ ifittex u jsib fil-verita u r-rikkezza tat-talb nisrani, kif mgħallem mill-Knisja, il-veru triq, il-veru mod ta’ kif jitlob, il-veru Spirtu li jiggwidah lejn il-Missier”.
Żied li minkejja li hi talba li ilna nafu minn ċkunitna, it-talba tal-Missierna hi rikka daqstant li kull min jitlob permezz tagħha għandu jiskopri dejjem iżjed kemm kapaċi tkun sors ta’ għaqda u twaħħid ma’ Ġesu. “Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum, aħfrilna dnubietna bħal ma naħfru lil min hu ħati għalina” hu wkoll kliem li l-Papa waqaf fuq il-profondita tiegħu. Anke dak li l-vanġelu ta’ San Mattew ikompli jħeġġiġna nagħmlu meta jikkwota lil Ġesu jgħid, “Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom, għax min jitlob jaqla’, min ifittex isib u min iħabbat jiftħulu”.
Il-Papa fakkar fil-festa tal-appostlu Ġakbu li ħalla xogħlu ta’ sajjied u l-istess familja tiegħu biex jimxi wara Ġesu.