Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum, f’din l-udjenza, bħalma għamilna fl-udjenzi ta’ qabel, jien se nibqa’ hawn. Nixtieq ħafna nista’ ninżel, insellem lil kulħadd, imma rridu nżommu d-distanzi, għax jekk jien ninżel dritt nispiċċaw ċorma sħiħa biex insellmu lil xulxin, u dan hu kontra l-miżuri, il-prekawzjonijiet li rridu nżommu quddiem din is-“sinjura” li jisimha Covid u li qed tagħmlilna ħafna ħsara. Għalhekk, skużawni jekk mhux qed ninżel insellmilkom: insellmilkom minn hawn imma nġorrkom kollha ġo qalbi. U intom, ġorruni ġo qalbkom u itolbu għalija. Bid-distanza, xorta nistgħu nitolbu għal xulxin; grazzi talli qed tifhmuni.
Fil-mixja tagħna ta’ katekeżi fuq it-talb, wara li mxejna tul it-Testment il-Qadim, issa naslu għal Ġesù. U Ġesù kien jitlob. Il-ftuħ tal-missjoni pubblika tiegħu jseħħ bil-magħmudija fix-xmara Ġordan. L-Evanġelisti jaqblu f’li jagħtu importanza fundamentali lil dan l-episodju. Jirrakkuntaw kif il-poplu kollu kien miġbur fit-talb, u jispeċifikaw kif din il-ġemgħa kellha karattru ċar penitenzjali (ara Mk 1:5; Mt 3:8). Il-poplu mar għand Ġwanni biex dan jgħammdu għall-maħfra tad-dnubiet: hemm karattru penitenzjali, ta’ konverżjoni.
Għalhekk, l-ewwel għemil pubbliku ta’ Ġesù hu l-parteċipazzjoni f’talba korali tal-poplu, talba tal-poplu li jmur jitgħammed, talba penitenzjali, fejn kulħadd jagħraf li hu midneb. Għalhekk il-Battista ma riedx jgħammdu, u jgħidlu: “Jien hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u int tiġi għandi?” (Mt 3:14). Il-Battista jifhem min hu Ġesù. Imma Ġesù jinsisti: dan tiegħu hu għemil li jobdi r-rieda tal-Missier (v. 15), għemil ta’ solidarjetà mal-qagħda umana tagħna. Hu jitlob mal-midinbin tal-poplu ta’ Alla. Ejjew indaħħluha ġo rasna: Ġesù huwa l-Ġust, mhuwiex midneb. Imma hu ried jinżel għandna, midinba, u hu jitlob magħna, u meta aħna nitolbu hu qiegħed jitlob magħna; hu jinsab magħna għax qiegħed fis-Sema jitlob għalina. Ġesù dejjem jitlob mal-poplu tiegħu, dejjem jitlob magħna: dejjem. Qatt m’aħna nitolbu waħidna, dejjem qed nitolbu ma’ Ġesù. Ma jibqax fuq ix-xatt l-ieħor tax-xmara – “Jiena ġust, intom midinba” – biex juri li hu differenti minna u jżomm bogħod mill-poplu diżubbidjenti, imma jgħaddas riġlejh fl-istess ilmijiet ta’ tisfija. Isir qisu midneb. U dan hu l-kobor ta’ Alla li bagħat lil Ibnu li xejjen lilu nnifsu u deher bħala wieħed midneb.
Ġesù mhuwiex Alla mbiegħed, u ma jistax ikun. L-Inkarnazzjoni writhulna b’mod sħiħ u li l-moħħ tal-bniedem ma jistax jistħajjel. Hekk, huwa u jniedi l-missjoni tiegħu, Ġesù joqgħod quddiem nett ta’ poplu ta’ penitenti, bħal biex jinkariga ruħu li jiftaħ xaqq fil-blat li minnu lkoll kemm aħna, warajh, nistgħu nagħmlu l-kuraġġ u ngħaddu. Imma t-triq, il-mixja, hija iebsa; imma hu jimxi, u jiftaħ għalina t-triq. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jfisser li dan l-aspett ġdid hu l-milja taż-żminijiet. Jgħidilna: “It-talb ta’ wlied, filjali, talb li l-Missier jistenna mingħand uliedu, talb li kellu jgħixu l-istess Iben waħdieni bħala bniedem, mal-bnedmin u għalihom” (n. 2599). Ġesù jitlob magħna. Ejjew indaħħluha f’rasna u f’qalbna: Ġesù jitlob magħna.
Dakinhar, mela, fuq ix-xatt tax-xmara Ġordan, kien hemm l-umanità kollha, bix-xenqat tagħha li titlob, mhux espressi fi kliem. Kien hemm fuq kollox il-poplu ta’ midinba: dawk li kienu jaħsbu li ma jistgħux ikunu maħbubin minn Alla, dawk li ma kinux jissugraw jirfsu l-għatba tat-Tempju, dawk li ma kinux jitolbu għax ma kinux iħossuhom denji. Ġesù ġie għal kulħadd, anki għalihom, u beda proprju billi ngħaqad magħhom, fuq quddiem nett.
Fuq kollox, il-Vanġelu ta’ Luqa jurina l-klima ta’ talb li fiha seħħet il-magħmudija ta’ Ġesù: “Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu” (3:21). Bit-talb tiegħu, Ġesù jiftaħ il-bieb tas-Smewwiet, u minn dak ix-xaqq miftuħ jinżel l-Ispirtu s-Santu. U mill-għoli jinstema’ leħen ixandar dik il-verità tal-għaġeb: “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi” (v. 22). Din il-frażi sempliċi tiġbor fiha teżor bla qies: tikxfilna xi ħaġa mill-misteru ta’ Ġesù u tal-qalb tiegħu dejjem miftuħa għall-Missier. Qalb l-istorbju tal-ħajja u tad-dinja li tasal biex tikkundannah, imqar fl-esperjenzi l-iżjed ibsin u ta’ niket li jkollu jġarrab, imqar meta jħoss li m’għandux fejn iserraħ rasu (ara Mt 8:20), imqar meta madwaru jgħollu rashom il-mibegħda u l-persekuzzjni, Ġesù qatt ma hu mingħajr il-kenn ta’ dar: hu jgħammar għal dejjem fi ħdan il-Missier.
Hawn hu l-kobor waħdieni tat-talb ta’ Ġesù: l-Ispirtu s-Santu jaħkem fuq il-persuna tiegħu u l-leħen tal-Missier jixhed li huwa l-maħbub, l-Iben li fih hu jara għalkollox lilu nnifsu.
Din it-talba ta’ Ġesù, li fuq ix-xatt tax-xmara Ġordan hi kollha kemm hi personali – u hekk sa tkun għall-ħajja kollha tiegħu fuq din l-art –, f’Għid il-Ħamsin bi grazzja ssir it-talba tal-imgħammdin kollha fi Kristu. Hu stess kisbilna dan id-don, u jistedinna nitolbu hekk kif kien jitlob hu.
Għalhekk, jekk xi darba filgħaxija aħna u nitolbu, inħossuna fjakki u battala, jekk jidhrilna li l-ħajja kienet kollha bla siwi, f’dak il-ħin hemm bżonn nitolbu li t-talba ta’ Ġesù ssir tagħna wkoll. “Jiena llum ma niflaħx nitlob, ma nafx x’naqbad nagħmel: m’iniex inħossni fiha, inħossni m’iniex denn, denja”. F’dak il-ħin, irridu nafdaw ruħna f’idejh biex jitlob hu għalina. Hu bħalissa jinsab quddiem il-Missier jitlob għalina, huwa l-interċessur; juri lill-Missier il-pjagi tiegħu, għalina. Aħna f’dan nafdaw! Jekk aħna nafdaw, imbagħad nisimgħu leħen mis-Sema, iktar qawwi minn dak li tiela’ mill-qiegħ nett ta’ ġo fina, u nisimgħu dan il-leħen itarrfilna minn taħt l-ilsien kliem ta’ ħlewwa: “Int il-maħbub ta’ Alla, int iben, int il-ferħ tal-Missier tas-Smewwiet”. Proprju għalina, għal kull wieħed u waħda minna tidwi l-kelma tal-Missier: imqar jekk kulħadd warrabna, midinbin tal-agħar sura. Ġesù ma niżilx fl-ilmijiet tal-Ġordan għalih innifsu, imma għalina lkoll. Il-poplu kollu ta’ Alla kien imur fil-Ġordan biex jitlob, biex jitlob maħfra, biex jirċievi dik il-magħmudija ta’ ndiema. U kif jgħid dak it-teologu, kienu jmorru fil-Ġordan “b’ruħ għerja u riġlejn ħafja”. Hekk tkun l-umiltà. Biex nitolbu rridu nkunu umli. Fetaħ is-smewwiet, bħalma Mosè kien fetaħ l-ilmijiet tal-Baħar l-Aħmar, biex ilkoll kemm aħna stajna ngħaddu warajh. Ġesù tana l-istess talba tiegħu, li hi d-djalogu tiegħu ta’ mħabba mal-Missier. Tahielna bħal żerriegħa tat-Trinità, li trid tagħmel għeruq f’qalbna. Ejjew nilqgħuh! Nilqgħu dan id-don, id-don tat-talb. Dejjem miegħu. U ma nkunux niżbaljaw.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard