Il-Papa Benedittu XVI jikkummenta fuq il-Vanġelu li jirrakkonta l-fejqan li Ġesu għamel fuq diversi morda f’Kafarnahum. Jgħid li “l-erba’ evanġelisti, ilkoll jaqblu li, flimkien mal-predikazzjoni, il-fejqan tal-mard kien jikkostitwixxi l-attivita ewlenija ta’ Ġesu fil-ħajja pubblika tiegħu. Ġesu Kristu ġie fid-dinja biex jegħleb il-ħażen mill-għeruq tiegħu, u l-fejqan kien antiċipazzjoni tar-rebħa li hu kiseb eventwalment fuq il-mewt u l-qawmien”.
Jissokta jirrakkonta l-ġrajja meta Ġesu qal li t-tabib ma jeħtiġux min hu f’saħħtu imma l-morda. Jgħid li Ġesu dakinhar kien jirreferi għall-midinbin li għalihom hu ġie u salva. Iżid li hu veru li l-mard hu kundizzjoni umana li fiha l-bniedem jesperjenza dgħufija u jħoss il-bżonn ta’ ħaddieħor. F’dal-kuntest qal li wieħed jista’ jasal jara l-mument tal-mard bħala opportunita biex jirċievi l-attenzjoni tal-oħrajn u jroddha lura. Minkejja kollox, pero, iżid li dan jibqa’ moment ta’ prova, li jista’ jiġbed fit-tul u jkun diffiċli. Semma l-mument iktar diffiċli meta l-fejqan mill-mard ikun jidher remot, bl-individwu jispiċċa fil-qtigħ il-qalb. Jistaqsi u jwieġeb: “Kif għandu wieħed jirreaġixxi għal dan? Żgur bil-kura proprja li fil-mediċina, tul is-snin, żviluppat ħafna. Pero ma ninsewx ukoll li l-Kelma t’Alla tgħallimna l-attitudni bażika u deċiżiva li biha għandna niffaċċjaw il-mard, li tinġabar fil-fidi sħiħa f’Alla u t-tjubija tiegħu”.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika iżid li anki quddiem il-mewt, il-fidi tista’ tagħmel dak li umanament jidher impossibbli…naturalment il-fidi fl-imħabba t’Alla – din hi dik li radikalment teqred il-ħażen. “Nafu li jeżistu nies li jgħixu l-aċċettazzjoni tat-tbatija għax Alla nissel fihom serenita profonda. Eżempju ċar għal dan hi Chiara Badano, li mietet fi fjur żgħożitha minħabba l-mard li kellha. Anki dawk stess li żaruha meta kienet marida rċevew dawl u tqawwew fil-fidi, permezz tal-istess eżempju tagħha.
Il-Papa kkonkluda billi fakkarfil-Jum Dinji tal-Ħajja, imfakkar il-Ħadd li għadda, u li ħeġġeġ mill-ġdid lil kulħadd fid-dover li jipproteġi l-valur tal-ħajja. Fakkar ukoll fil-festa tal-Madonna ta’ Lourdes, ċċelebrata nhar il-11 ta’ Frar, flimkien mal-Jum Dinji tal-Morda. Ħeġġeġ sabiex wieħed idur lejn Alla fit-talb u jitolbu biex fil-mard, jagħtih il-grazzja li jkun paċenzjuż u mimli sabar.