Matul ix-xahar ta’ Novembru l-Papa Benedittu XVI qiegħed jitlob b’mod speċjali għal dawk fil-vizzju tad-droga, għal dawk li jużawha jew huma dipendenti fuqha jew fuq xi tip ta’ sustanza.
L-Appostolatura tal-Papa ħabbret l-intenzjonijiet li għażel il-Papa għal dan ix-xahar ta’ Novembru. Qalet li qed jitlob bl-intenzjoni ġenerali li “l-vittmi tad-droga jew ta’ kwalunkwe sustanza dipendenti oħra, bl-appoġġ tal-komunita nisranija, isibu l-qawwa li jbiddlu ħajjithom radikalment, bis-saħħa u l-għajnuna t’Alla Salvatur”.
Bħal kull xahar, il-Papa jagħżel ukoll l-intenzjoni missjunarja għat-talb tiegħu. Tul Novembru qiegħed jitlob sabiex “il-Knejjes tal-Amerika Latina javvanzaw fil-missjoni mifruxa fil-kontinent sħiħ, kif proposta mill-Isqfijiet, u jagħmluha parti mill-missjoni universali tagħhom bħala l-Poplu t’Alla”.