Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dar-raba’ Ħadd tar-Randan il-liturġija ewkaristika tibda b’din l-istedina: “Ifraħ, Ġerusalemm…” (Iż 66,10).  X’inhi r-raġuni ta’ dal-ferħ?  F’nofs ir-Randan, liema hi r-raġuni ta’ dal-ferħ?  Jgħidhulna l-Evanġleju tal-lum: Alla “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3,16).  Dal-messaġġ ta’ hena hu l-qalba tal-fidi nisranija: l-imħabba t’Alla sabet il-milja tagħha fl-għotja ta’ Ibnu lill-umanità dgħajfa u midinba.  Tana lil Ibnu, lilna, lilna lkoll.

Dan jidher fid-djalogu li seħħ billejl bejn Ġesù u Nikodemu, li l-paġna tal-Evanġelju tiddeskrivielna parti minnu (cfr Ġw 3,14-21).  Nikodemu, bħal kull membru tal-poplu ta’ Iżrael, kien qed jistenna l-Messija, li għalihom kellu jkun bniedem qawwi li kellu jiġġudika d-dinja bis-setgħa tiegħu.  Minflok, Ġesù jdaħħal din l-istennija fi kriżi minn tliet aspetti: dak li Bin il-Bniedem se jkun igglorifikat fis-salib; dak ta’ Iben Alla mibgħut fid-dinja għas-salvazzjoni; u dak tad-dawl li permezz tiegħu min iħaddan il-verità jingħaraf minn dak  li jistrieħ fuq il-gideb.  Naraw dawn it-tliet aspetti: Bin il-Bniedem, Iben Alla u Dawl.

Qabel kollox Ġesù jidher bħala Bin il-Bniedem (vv. 14-15).  It-test jalludi għar-rakkont tas-serpent tal-bronz (cfr Num 21,4-9), li bir-rieda t’Alla kien ġie arbulat fid-deżert meta l-poplu safa attakkat mis-sriep velenużi; min kien jingidem u kien iħares lejn is-serpent, kien ifiq.  Bl-istess mod Ġesù kien merfugħ fuq is-salib u min jemmen fih ifiq mid-dnub u jgħix.

It-tieni aspett hu dak ta’ Iben Alla (vv. 16-18).  Alla l-Missier iħobb lill-bnedmin sa wasal biex “tahom” lil Ibnu: tahulhom bl-inkarnazzjoni u tahulhom ukoll meta bagħtu għall-mewt.  L-għan tad-don ta’ Alla hu l-ħajja ta’ dejjem tal-bnedmin:  infatti, Alla jibgħat lil Ibnu fid-dinja mhux biex jikkunadannaha imma biex id-dinja tkun tista’ ssalva permezz ta’ Ġesù.  Il-missjoni ta’ Ġesù hi dik tas-salvazzjoni, is-salvazzjoni għal kulħadd.

It-tielet isem li bih Ġesù jirreferi għalih innfisu hu “dawl” (vv. 19-21).  L-Evanġelju jgħid: “Id-dawl ġie fid-dinja imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl” (v. 19).  Il-miġja ta’ Ġesù fid-dinja toħloq għażla: min jagħżel id-dlam jiltaqa’ mal-ġudizzju tal-kundanna, min jagħżel id-dawl ikollu ġudizzju ta’ salvazzjoni.  Il-ġudizzju dejjem hu konsegwenza tal-għażla ħielsa ta’ kull wieħed u waħda: min jagħmel il-ħażin ifittex id-dlam, il-ħażen dejjem jinħeba, jitgħatta.  Min jimxi mal-verità, jiġifieri jħarreġ it-tajjeb, idawwal it-triqat tal-ħajja.  Min jimxi fid-dawl, min jersaq lejn id-dawl, ma jista’ jagħmel xejn aktar ħlief opri tajba.  Id-dawl iġagħalna nagħmlu opri tajba.  Din hi s-sejħa li għandna sabiex inwettquha b’impenn matul ir-Randan: nilqgħu d-dawl fil-kuxjenza tagħna, biex niftħu qlubna għall-imħabba bla tarf ta’ Alla, għall-maħfra tiegħu.  Tinsewx li Alla jaħfer dejjem, dejjem dment li aħna, bl-umiltà nitolbu maħfra.  biżżejjed nitolbu l-maħfra u Hu jaħfer.  B’hekk insibu l-ferħ veru u nkunu nistgħu ngawdu mill-maħfra t’Alla li ġġedded i-ħajja.

Marija Santissma tgħinna sabiex ma nibżgħux inħallu lil Ġesù “jdaħħalna fi kriżi”.  Hi kriżi sana, għall-fejqan tagħna; biex il-ferħ tagħna jkun sħih.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

għaxar snin ilu beda l-kunflitt imdemmi fis-Sirja, kunflitt li ġab miegħu waħda mill-akbar traġedji umanitarji ta’ żmienna: għadd li ma tgħoddux ta’ mejtin u feruti, miljuni ta’ turufnati, eluf ta’ nies li għebu, qerda, vjolenza ta’ kull għamla u tbatijiet ta’ ħruxija li ma titwemminx għall-popolazzjoni kollha, b’mod partikolari dawk l-aktar dgħajfa bħalma huma t-tfal, in-nisa u l-persuni anzjani.  Inġedded l-appell tiegħi minn qiegħ qalbi lill-partijiet li jinsabu f’kunflitt sabiex juru sinjali ta’ rieda tajba ħalli jkun jista’ jinfetaħ xaqq ta’ tama għall-popolazzjoni mifnija.  Bl-istess mod nawgura li jkun hemm impenn deċisiv imġedded, kostruttiv u solidali min-naħa tal-komunità internazzjonali, ħalli jieqfu l-armi u tkun tista’ tintiseġ mill-ġdid in-nisġa soċjali u jingħata bidu għar-rikostruzzjoni u jingħata impuls ġdid l-ekonomija.  Nitolbu lkoll lill-Mulej sabiex ma tintesiex it-tbatija fil-maħbuba u mifluġa Sirja, ħalli s-solidarjetà tagħna tagħti l-ħajja lit-tama.  Nitolbu flimkien għall-maħbuba u mifluġa Sirja: Sliem għalik, Marija…….  

Nhar il-Ġimgħa li ġej, solennità ta’ San Ġużepp, tiftaħ is-sena tal-Familja Amoris Laetitia: sena speċjali biex tisseddaq l-imħabba fil-familja.  Nagħmel stedina għal impuls pastorali mġedded u kreattiv biex il-familja titqigħed fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-Knisja u tas-soċjetà.  Nitlob sabiex kull familja tkun tista’ tħoss f’darha l-preżenza ħajja tas-Sagra Familja ta’ Nażaret ħalli lill-komunitajiet domestiċi żgħar tagħna timlihom b’imħabba sinċiera u ġeneruża, għajn ta’ hena anki fi żmien il-provi u d-diffikultajiet.

Insellem lit-tfajliet u l-ġuvintur tat-tim tal-basketball, akkumpanjati mill-familji tagħhom u minn dawk li jħarrġuhom, li hawn fil-pjazza.  Bravi, kompu hekk, ibqgħu mexjin ‘il quddiem!

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, għeżież fidili minn Ruma u għeżież pellegrini.  U, b’mod partikolari nsellem lill-bosta filippini li qed jiċċelebraw il-500 sena tal-evanġeliżżazzjoni tal-Filippini.  Awguri!  U ibqgħu mexjin ‘il quddiem bil-ferħ tal-Evanġelju!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: Laikos.org