Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Min jitlob ma jixħet qatt id-dinja wara dahru. Jekk it-talb ma jiġborx fih il-ferħ u t-tbatija, it-tamiet u l-uġigħ tal-umanità, isir attività “dekorattiva”, atteġġjament tal-qoxra, tat-teatru, atteġġjament intimistiku. Kollha għandna bżonn tal-ħajja interjuri: li ninqatgħu għalina f’post u fi żmien iddedikat għar-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Imma dan ma jfissirx li naħarbu mir-realtà. Fit-talb, Alla “jeħodna, iberikna, u mbagħad jaqsamna u jagħtina”, biex jitma’ lil kulħadd. Kull Nisrani hu msejjaħ isir, f’idejn Alla, ħobż maqsum u mogħti. Jiġifieri talba konkreta, li ma hix ħarba.
Hekk in-nies ta’ talb ifittxu s-solitudni u s-skiet, mhux biex ma jdejjaqhom ħadd, imma biex jistgħu jisimgħu aħjar leħen Alla. Xi drabi jitwarrbu mid-dinja, fil-ħemda ta’ kamrithom, kif irrakkomanda Ġesù (ara Mt 6:6), imma, kull fejn ikunu, iżommu dejjem miftuħ beraħ il-bieb ta’ qalbhom: bieb miftuħ għal dawk li qed jitolbu bla ma jafu li qed jitolbu; għal dawk li ma jitolbu xejn imma qed iġorru fihom karba fgata, invokazzjoni mistura; għal dawk li żbaljaw u tilfu t-triq… Kulħadd jista’ jħabbat fuq il-bieb ta’ min jitlob u jsib fih jew fiha qalb ħanina, li tilob mingħajr ma tħalli lil ħadd barra. It-talb hu l-qalb u l-leħen tagħna, u jsir qalb u leħen ta’ tant nies li ma jafux jitolbu jew ma jitolbux, jew ma jridux jitolbu jew ma jistgħux jitolbu: aħna l-qalb u l-leħen ta’ dawn in-nies li jitla’ quddiem Ġesù, quddiem il-Missier, bħala interċessuri. Fis-solitudni ta’ min jitlob – sew jekk hi solitudni ta’ ħafna ħin u sew jekk hi solitudni ta’ nofsiegħa – biex wieħed jista’ jitlob, jinqata’ minn kollox u minn kulħadd biex jerġa’ jsib kollox u lil kulħadd f’Alla. Hekk, min jitlob jagħmel dan għad-dinja kollha, u jġorr fuq spallejh it-tbatijiet u d-dnubiet. Jitlob għal kulħadd u għal kull wieħed u waħda: qisu “antenna” ta’ Alla f’din id-dinja. F’kull fqir li jħabbat il-bieb, f’kull persuna li tilfet is-sens tal-affarijiet, min jitlob jilmaħ il-wiċċ ta’ Kristu.
Il-Katekiżmu jikteb hekk: “L-interċessjoni, jiġifieri t-talba favur xi ħadd […] hi t-talba ta’ wieħed li jinsab f’armonija sħiħa mal-ħniena ta’ Alla” (n. 2635). Kemm hi sabiħa din! Meta nitolbu aħna f’sintonija mal-ħniena ta’ Alla. Ħniena għal dnubietna, li hu ħanin magħna, imma anki ħniena ma’ dawk kollha li talbuna nitolbu għalihom, li għalihom irridu nitolbu f’sintonija mal-qalb ta’ Alla. Dan hu t-talb veru. F’sintonija mal-ħniena ta’ Alla, dik il-qalb ħanina. “Fi żmien il-Knisja, l-interċessjoni Nisranija tissieħeb fl-interċessjoni ta’ Kristu: turi x-xirka tal-qaddisin” (ibid.). Xi jfisser li nieħdu sehem fl-interċessjoni ta’ Kristu, meta jiena ninterċedi għal xi ħadd jew nitlob għal xi ħadd? Għax Kristu quddiem il-Missier huwa interċessur, jitlob għalina, u jitlob billi juri lill-Missier il-pjagi ta’ jdejh; għax Ġesù fiżikament, bil-ġisem tiegħu jinsab quddiem il-Missier. Ġesù huwa l-interċessur tagħna, u meta nitolbu xi ftit jew wisq inkunu nagħmlu bħal Ġesù: f’Ġesù ninterċedu quddiem il-Missier, għall-oħrajn. U din hi ħaġa sabiħa ħafna.
It-talb għandu għal qalbu lill-bniedem. Sempliċiment il-bniedem. Min ma jħobbx lil ħuh ma jkunx jitlob bis-serjetà. Nistgħu ngħidu: fi spirtu ta’ mibegħda ma nistgħux nitolbu; fi spirtu ta’ indifferenza ma nistgħux nitolbu. It-talb isir biss fi spirtu ta’ mħabba. Min ma jħobbx ikun qed jagħmel tabirruħu li qed jitlob, jew jaħseb li qed jitlob, imma ma jkunx jitlob, għax ikun nieqes sewwasew l-ispirtu li hu l-imħabba. Fil-Knisja, min jaf bin-niket u l-ferħ tal-oħrajn jista’ jinżel iktar fil-fond minn min joqgħod jgħarbel is-“sistemi l-kbar”. Għalhekk hemm esperjenza tal-uman f’kull talba, għax il-persuni, jiżbaljaw kemm jiżbaljaw, qatt ma għandhom jiġu rrifjutati jew mormija.
Meta xi ħadd li jemmen, imqanqal mill-Ispirtu s-Santu, jitlob għall-midinbin, ma joqgħodx jagħżel, ma jaqtax sentenzi ta’ kundanna: jitlob għal kulħadd. U jitlob ukoll għalih innifsu. F’dak il-ħin hu jaf li lanqas hu mhu daqshekk differenti mill-persuni li għalihom qed jitlob: iħossu midneb, qalb il-midinbin, u jitlob għal kulħadd. Il-lezzjoni tal-parabbola tal-Fariżew u tal-pubblikan hi dejjem ħajja u attwali (ara Lq 18:9-14): aħna m’aħna aħjar minn ħadd, aħna lkoll aħwa fi dgħufija u tbatija komuni, u lkoll aħna midinbin. Għalhekk talba li nistgħu nagħmlu lil Alla hi din: “Mulej, ebda bniedem ħaj ma hu ġust quddiemek (ara Salm 143:2) – hekk jgħid is-Salm: ‘Mulej, ebda bniedem ma hu ġust quddiemek’, ħadd minna: aħna lkoll midinba –, aħna lkoll midjuna li għadna rridu nħallsu l-kont; ma hemm ħadd li hu bla tort f’għajnejk. Mulej, ikollok ħniena minna!”. U dan l-ispirtu t-talb hu għammiel, għax iressaqna b’umiltà quddiem Alla biex nitolbu għal kulħadd. Imma, il-Fariżew talab b’suppervja: “Irroddlok ħajr, Mulej, għax jien m’iniex bħal dawk il-midinbin; jiena ġust, nagħmel dejjem…”. Din mhix talba: tkun tħares lejn il-mera, lejn ir-realtà tiegħek, tħares lejn il-mera liebes il-maskla tas-suppervja.
Id-dinja timxi ’l quddiem grazzi għal din il-katina ta’ tallaba li jinterċedu, li huma fil-parti l-kbira tagħhom mhux magħrufa… imma mhux quddiem Alla! Hemm tant Insara mhux magħrufa li, fi żmien il-persekuzzjoni, għarfu jtennu kliem il-Mulej: “Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34).
Ir-ragħaj it-tajjeb jibqa’ fidil imqar meta jara quddiemu d-dnub tal-poplu tiegħu: ir-ragħaj it-tajjeb jibqa’ jagħmilha ta’ missier imqar meta wliedu jitbiegħdu u jitilquh. Jippersevera fil-qadi bħala ragħaj imqar ma’ dawk li jħammġulu jdejh; ma jagħlaqx qalbu quddiem min forsi ġagħlu jbati.
Il-Knisja, fil-membri kollha tagħha, għandha l-missjoni li tipprattika t-talb ta’ interċessjoni, tinterċedi għall-oħrajn. B’mod partikulari għandu dan id-dmir kull min qiegħed fi rwol ta’ responsabbiltà: ġenituri, edukaturi, ministri ordnati, superjuri ta’ komunità… Bħal Abraham u Mosè, xi drabi jkollhom “jiddefendu” quddiem Alla lill-persuni fdati f’idejhom. Fir-realtà, iridu jħarsu lejhom bl-għajnejn u l-qalb ta’ Alla, bl-istess ħniena u ħlewwa invinċibbli tiegħu. Jitolbu bil-ħlewwa għall-oħrajn.
Ħuti, aħna lkoll weraq tal-istess siġra: kull waħda li taqa’ ssejħilna għall-ħniena kbira li rridu nuru, fit-talb, għal xulxin. Nitolbu għal xulxin: jagħmlilna tajjeb u jagħmel tajjeb lil kulħadd. Grazzi!
Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard