Katekeżi fuq il-Milied
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
F’din il-katekeżi, hekk qrib tal-Milied, nixtieq noffrilkom xi spunti għar-riflessjoni bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Milied. Fil-Liturġija tal-Lejl tal-Milied se tidwi l-aħbar tal-anġlu lir-ragħajja: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2:10-12).
Bħar-ragħajja, aħna wkoll mexjin spiritwalment lejn Betlehem, fejn Marija tat id-dawl lit-Tarbija fi stalla, “għax”, jgħid mill-ġdid San Luqa, “ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (2:7). Il-Milied sar festa universali, u mqar min ma jemminx jaqbad xi ftit mis-seħer ta’ din it-tifkira. Imma n-Nisrani jaf li l-Milied hu ġrajja deċiżiva, nar li Alla qabbad fid-dinja għal dejjem, u ma nistgħux nifxluh mal-ħwejjeġ li jgħaddu. Importanti li ma nirriduċuhx għal festa sentimentali jew konsumerista biss. Il-Ħadd li għadda ġbidt l-attenzjoni fuq din il-problema, u sħaqt li l-konsumeriżmu serqilna l-Milied. Le: il-Milied m’għandux jirriduċi ruħu għal festa sentimentali u konsumerista biss, mimlija rigali u awguri imma fqira mill-fidi Nisranija, u fqira wkoll fl-umanità. Għalhekk, hemm bżonn neqirdu ċerta mentalità mondana, li mhix kapaċi tifhem il-qalba eċċitanti tal-fidi tagħna, li hi din: “U l-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità” (Ġw 1:14). Din hi l-qalba tal-Milied, anzi: hija l-verità tal-Milied; m’hemmx oħra.
Il-Milied jistedinna nirriflettu, minn banda, fuq id-drammatiċità tal-istorja, li fiha l-bnedmin, midruba mid-dnub, il-ħin kollu qed ifittxu l-verità, il-ħniena, il-fidwa; u mill-oħra, fuq it-tjieba ta’ Alla, li ġie jiltaqa’ magħna biex iwasslilna l-Verità li ssalva u tagħtina sehem fil-ħbiberija tiegħu u fil-ħajja tiegħu. U dan id-don ta’ grazzja: din hi purament grazzja, bla ebda merti tagħna. Hemm wieħed mis-Santi Padri li jgħid: “Imma ħarsu din in-naħa, in-naħa l-oħra, lil hemm: fittxu l-merti u ma ssibu xejn ħlief grazzja”. Kollox huwa grazzja, don ta’ grazzja. U dan id-don ta’ grazzja nirċevuh permezz tas-sempliċità u l-umanità tal-Milied, u jista’ jkeċċi minn qlubna u minn moħħna l-pessimiżmu, li llum xtered iżjed minħabba l-pandemija. Nistgħu negħlbu dan is-sens ta’ tgerfix li jħawwadna u jħassibna, ma nħallux it-telfiet u l-fallimenti jgħaffġuna, billi nsibu mill-ġdid l-għarfien li dik it-Tarbija umli u fqajra, moħbija u mneżżgħa, hi Alla nnifsu, li sar bniedem għalina. Il-Konċilju Vatikan II, f’silta ċelebri tal-Kostituzzjoni fuq il-Knisja fid-dinja tal-lum, jgħidilna li din il-ġrajja tolqot lil kull wieħed u waħda minna. “Għaliex l-Iben ta’ Alla, meta sar bniedem, ingħaqad b’xi mod ma’ kull bniedem. Hu ħadem b’idejn ta’ bniedem, ħaseb b’moħħ ta’ bniedem, aġixxa b’rieda ta’ bniedem, ħabb b’qalb ta’ bniedem. Imwieled mill-Verġni Marija, sar tassew wieħed minna, jixbahna f’kollox barra mid-dnub” (Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 22). Imma Ġesù twieled elfejn sena ilu, u jolqot lili? – Iva, jolqot lili u lilek, lilna lkoll. Ġesù huwa wieħed minna: Alla, f’Ġesù, huwa wieħed minna.
Din ir-realtà tagħtina tant ferħ u tant kuraġġ. Alla ma ħarisx lejna mill-għoli, mill-bogħod, ma għaddiex minn maġenbna, ma stmerrx il-miżerja tagħna, ma libisx ġisem minn barra biss, imma ħa fuqu b’mod sħiħ in-natura tagħna u l-qagħda umana tagħna. Ma ħalla xejn barra, ħlief id-dnub: l-unika ħaġa li hu m’għandux. L-umanità kollha qiegħda fih. Hu ħa fuqu dak kollu li aħna, hekk kif aħna. Dan hu essenzjali biex nistgħu nifhmu l-fidi Nisranija. Santu Wistin, huwa u jaħseb fil-mixja tiegħu ta’ konverżjoni, fl-Istqarrijiet tiegħu jikteb hekk: “Kont għadni ma ċċekkintx biżżejjed biex nilqa’ lil Alla tiegħi, lil Ġesù li ċċekken, u t-tagħlim tad-dgħufija tiegħu kont għadni ma fhimtux” (Stqarrijiet VII, 18). U liema hi d-dgħufija ta’ Ġesù? Id-“dgħufija” ta’ Ġesù hi “tagħlim” għalina, għax turina l-imħabba ta’ Alla. Il-Milied huwa l-festa tal-Imħabba inkarnata, tal-imħabba li twieldet għalina f’Ġesù Kristu. Ġesù Kristu huwa d-dawl tal-bnedmin li jilma fid-dlamijiet, li jagħti sens lill-ħajja tal-bniedem u lill-istorja kollha kemm hi.
Għeżież ħuti, dawn ir-riflessjonijiet qosra jgħinuna niċċelebraw il-Milied b’għarfien ikbar. Imma hemm mod ieħor kif nippreparaw ruħna, li nixtieq hawn infakkar lilkom u lili nnifsi wkoll, u li kulħadd għandu aċċess għalih: nimmeditaw ftit fis-skiet quddiem il-presepju. Il-presepju hu katekeżi ta’ dik ir-realtà, fuq dak li sar f’dik is-sena, f’dak il-jum, li smajna fil-Vanġelu. Għalhekk, is-sena l-oħra jiena ktibt Ittra, li nagħmlu tajjeb nerġgħu naqbduha f’idejna. Jisimha Admirabile signum, “Sinjal tal-għaġeb”. Fl-iskola ta’ San Franġisk ta’ Assisi nistgħu nsiru xi ftit tfal żgħar u noqogħdu nikkontemplaw ix-xena tat-Twelid, u nħallu jerġa’ jitwieled fina l-istagħġib għall-mod “tal-għaġeb” li bih Alla ried jidħol fid-dinja. Nitolbu l-grazzja tal-istagħġib: quddiem dan il-misteru, din ir-realtà hekk ħelwa, hekk sabiħa, hekk qrib ta’ qlubna, ħa jagħtina l-Mulej il-grazzja tal-istagħġib, biex nistgħu niltaqgħu miegħu, biex noqorbu lejh, biex noqorbu lkoll lejn xulxin. Dan jerġa’ jwelled fina l-ħlewwa. L-aħħar darba, jiena u nitkellem ma’ xi xjenzati, tkellimna fuq l-intelliġenza artifiċjali u fuq ir-robots… hemm robots ipprogrammati għal kulħadd u għal kollox, u dan proċess li miexi. U jien għidtilhom: “Imma liema hi dik il-ħaġa li r-robots ma jistgħu qatt jagħmlu?”. Huma ħasbu ftit, għamluli xi proposti, imma fl-aħħar qablu fuq ħaġa: il-ħlewwa. Din ir-robots ma jistgħux jagħmluha. U dan hu dak li jagħtina Alla, illum: mod tal-għaġeb li bih Alla ried jiġi fid-dinja, u dan jerġa’ jwelled fina t-tama, it-tama umana li hi qrib ta’ dik ta’ Alla. U llum tant għandna bżonn tal-ħlewwa, tant għandna bżonn taż-żegħil uman, quddiem tant miżerji! Jekk il-pandemija ġagħlitna noqogħdu iktar imbiegħda minn xulxin, Ġesù, fil-presepju, jurina t-triq tal-ħlewwa biex inkunu qrib, biex inkunu bnedmin. Ejjew nimxu f’din it-triq. Il-Milied it-tajjeb!
Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard