Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
L-ewwel passi tal-Knisja fid-dinja seħħu fit-talb. Il-kitbiet appostoliċi u r-rakkonti kbar tal-Atti tal-Appostli jgħaddulna x-xbieha ta’ Knisja li timxi, Knisja ħabrieka, li imma ssib fil-laqgħat tat-talb il-bażi u l-enerġija għall-azzjoni missjunarja. Ix-xbieha tal-Komunità ewlenija ta’ Ġerusalemm hija punt ta’ riferiment għal kull esperjenza Nisranija oħra. Jikteb Luqa fil-Ktieb tal-Atti: “U kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim tal-Appostli u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb” (2:42). Il-komunità tippersevera fit-talb.
Hawn insibu erba’ karatteristiċi essenzjali tal-ħajja ekkleżjali: is-smigħ għat-tagħlim tal-Appostli, l-ewwel; it-tieni, il-ħarsien tal-komunjoni reċiproka; it-tielet, il-qsim tal-ħobż; u, ir-raba’, it-talb. Dawn ifakkruna li l-ħajja tal-Knisja tagħmel sens jekk tibqa’ magħquda fis-sod ma’ Kristu, jiġifieri fil-komunità, fil-Kelma tiegħu, fl-Ewkaristija u fit-talb. Huwa l-mod kif ningħaqdu, aħna, ma’ Kristu. Il-predikazzjoni u l-katekeżi jagħtu xhieda tal-kelmiet u l-ġesti tal-Imgħallem; it-tiftix kontinwu tal-komunjoni fraterna jħarisna mill-egoiżmi u l-attenzjoni żejda għall-partikular; il-qsim tal-ħobż iwettaq is-sagrament tal-preżenza ta’ Ġesù fostna: hu qatt mhu ħa jkun assenti, fl-Ewkaristija hu sewwasew hu. Hu jgħix u jimxi magħna. U fl-aħħar nett it-talb, li hu l-ispazju tad-djalogu mal-Missier, permezz ta’ Kristu fl-Ispirtu s-Santu.
Dak kollu li fil-Knisja jikber ’il barra minn dawn il-“koordinati”, hu nieqes mill-pedament. Biex ngħarblu sitwazzjoni jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna kif, f’dik is-sitwazzjoni, hemm dawn l-erba’ koordinati: il-predikazzjoni, it-tiftix kontinwu tal-komunjoni fraterna – l-imħabba –, il-qsim tal-ħobż – jiġifieri l-ħajja Ewkaristika – u t-talb. Kull sitwazzjoni għandha tintiżen fid-dawl ta’ dawn l-erba’ koordinati. Dak li ma jidħolx f’dawn il-koordinati hu nieqes mill-ekkleżjalità, mhuwiex ekkleżjali. Huwa Alla li jagħmel il-Knisja, mhux l-istorbju tal-opri. Il-Knisja mhijiex suq; il-Knisja mhijiex grupp ta’ intraprendituri li jmexxu din l-intrapriża ġdida. Il-Knisja hija opra tal-Ispirtu s-Santu, li Ġesù bagħatna biex niġmgħu. Il-Knisja hija sewwasew il-ħidma tal-Ispirtu fil-komunità Nisranija, fil-ħajja komunitarja, fl-Ewkaristija, fit-talb, dejjem. U dak kollu li jikber barra minn dawn il-koordinati jonqsu l-pedament, hu bħala dar mibnija fuq ir-ramel (ara Mt 7:24-27). Huwa Alla li jagħmel il-Knisja, mhux il-ħoss tal-ħafna opri. Hija l-kelma ta’ Ġesù li timla bis-sens l-isforzi tagħna. Hu fl-umiltà li jinbena l-futur tad-dinja.
Xi drabi, inħoss qalbi tingħafas meta nara xi komunità li, bir-rieda tajba kollha, tiżbalja t-triq għax taħseb li l-Knisja ħa tibniha bil-laqgħat kbar, bħallikieku kienet xi partit politiku: il-maġġoranza, il-minoranza, x’jaħseb dan, dak, l-ieħor… “Dan bħal Sinodu, triq sinodali li rridu nagħmlu”. U jien nistaqsi: fejn hu l-Ispirtu s-Santu, hemm? Fejn hu t-talb? Fejn hi l-imħabba komunitarja? Fejn hi l-Ewkaristija? Mingħajr dawn l-erba’ koordinati, il-Knisja ssir soċjetà umana, partit politiku – maġġoranza, minoranza – il-bidliet isiru bħallikieku kienet xi ditta, bil-maġġoranza u l-minoranza… Imma ma hemmx l-Ispirtu s-Santu. U l-preżenza tal-Ispirtu s-Santu hi ggarantita sewwasew minn dawn l-erba’ koordinati. Biex niżnu sitwazzjoni, jekk hix ekkleżjali jew le, irridu nistaqsu lilna nfusna hemmx dawn l-erba’ koordinati: il-ħajja komunitarja, it-talb, l-Ewkaristija… [il-predikazzjoni], kif qed tiżviluppa l-ħajja f’dawn l-erba’ aspetti. Jekk tonqos waħda minnhom, jonqos l-Ispirtu, u jekk jonqos l-Ispirtu aħna nkunu għaqda sabiħa umanitarja, li tagħmel il-ġid, tajjeb, tajjeb, anki partit, ħa ngħidu hekk, ekkleżjali, imma ma hemmx Knisja. U għalhekk il-Knisja ma tistax tikber b’dawn l-affarijiet: tikber mhux bil-proselitiżmu, bħal xi ditta kwalunkwe, imma tikber b’attrazzjoni. U min iqanqal din l-attrazzjoni? L-Ispirtu s-Santu. Ma ninsewha qatt din il-kelma ta’ Benedittu XVI: “Il-Knisja ma tikbirx bil-proselitiżmu, tikber bl-attrazzjoni”. Jekk m’hemmx l-Ispirtu s-Santu, li hu dak li jiġbidna lejn Ġesù, hemmhekk m’hemmx il-Knisja. Hemm klabb sabiħ ta’ ħbieb, tajjeb, b’intenzjonijiet tajba, imma ma hemmx il-Knisja, m’hemmx sinodalità.
Allura aħna u naqraw l-Atti tal-Appostli niskopru kif il-mutur b’saħħtu tal-evanġelizzazzjoni huma l-laqgħat ta’ talb, fejn min jieħu sehem iduq b’mod ħaj il-preżenza ta’ Ġesù u qalbu tintmess mill-Ispirtu. Il-membri tal-ewwel komunità – imma dan jgħodd dejjem, anki għalina llum – iħossu li l-istorja tal-laqgħa ma’ Ġesù ma waqfitx mal-mument tat-Tlugħ tiegħu fis-Sema, imma tkompli f’ħajjithom. Meta jirrakkuntaw dak li qal u għamel il-Mulej – is-smigħ tal-Kelma – u jitolbu li jidħlu f’komunjoni miegħu, kollox isir ħaj. It-talb isawwab dawl u sħana: id-don tal-Ispirtu jqanqalhom bil-ħeġġa.
Dwar dan, il-Katekiżmu għandu espressjoni qawwija ħafna. Jgħid hekk: “L-Ispirtu s-Santu […] jfakkar b’dan il-mod ’il Kristu lill-Knisja hija u titlob, iwassalha wkoll lejn il-verità sħiħa u jqajjem fiha formulazzjonijiet ġodda ta’ talb, li jfissru l-Misteru li l-moħħ tal-bniedem ma jasal qatt biex jifhem, il-Misteru ta’ Kristu li jaħdem fil-ħajja, fis-sagramenti u fil-missjoni tal-Knisja tiegħu” (n. 2625). Din hi l-ħidma tal-Ispirtu fil-Knisja: ifakkarna f’Ġesù. Ġesù nnifsu qalu dan: Hu jgħallimkom u jfakkarkom. Il-missjoni hi li jfakkarna f’Ġesù, imma mhux bħala xi taħriġ tal-memorja. L-Insara, mixjin fil-mogħdijiet tal-missjoni, jiftakru f’Ġesù waqt li jagħmluh preżenti mill-ġdid; u minnu, mill-Ispirtu tiegħu, jirċievu l-“ispinta” biex imorru, biex iħabbru, biex jaqdu. Fit-talb in-Nisrani jogħdos fil-misteru ta’ Alla, li jħobb lil kull bniedem, dak Alla li jixtieq li l-Vanġelu jiġi mxandar lil kulħadd. Alla hu Alla ta’ kulħadd, u f’Ġesù kull ħajt ta’ firda ġġarraf darba għal dejjem: kif jgħid San Pawl, huwa s-sliem tagħna, jiġifieri “li minna t-tnejn għamel poplu wieħed” (Efes 2:14). Ġesù ġab l-għaqda.
Hekk il-ħajja tal-Knisja tal-bidu timxi bir-ritmu ta’ ċelebrazzjoni wara l-oħra, konvokazzjonijiet, żminijiet ta’ talb kemm komunitarju u kemm personali. U huwa l-Ispirtu li jagħti l-qawwa lill-predikaturi li jivvjaġġaw, u li għall-imħabba ta’ Ġesù jaqsmu ibħra, jaffrontaw perikli, joqogħdu għal umiljazzjonijiet.
Alla jagħti l-imħabba, Alla jitlob l-imħabba. Dan hu l-għerq mistiku tal-ħajja kollha ta’ min jemmen. L-ewwel Insara fit-talb, imma anki aħna li ġejna ħafna sekli wara, ngħixu lkoll l-istess esperjenza. L-Ispirtu jagħti l-ħajja lil kull ħaġa. U kull Nisrani li ma jibżax jiddedika ħin għat-talb jista’ jagħmel tiegħu kliem l-Appostlu Pawlu: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu. Il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija” (Gal 2:20). It-talb iġibek konxju minn dan. Fis-skiet tal-adorazzjoni biss nistgħu nduqu l-verità sħiħa ta’ dawn il-kelmiet. Jeħtieġ nerġgħu nagħrfu s-sens tal-adorazzjoni. Naduraw, naduraw lil Alla, naduraw lil Ġesù, naduraw lill-Ispirtu. Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu: nadurawhom. Is-skiet. It-talb tal-adorazzjoni hu t-talb li jurina lil Alla bħala l-bidu u t-tmiem tal-istorja kollha. U dan it-talb hu n-nar ħaj tal-Ispirtu li jagħti l-qawwa għax-xhieda u għall-missjoni. Grazzi.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard