Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum nagħlqu l-katekeżi fuq it-talb bħala relazzjoni mat-Trinità Qaddisa, b’mod partikulari mal-Ispirtu s-Santu.
L-ewwel don ta’ kull ħajja Nisranija huwa l-Ispirtu s-Santu. Mhuwiex wieħed minn ħafna doni, imma d-Don fundamentali. L-Ispirtu huwa d-don li Ġesù kien wiegħed li se jibgħatilna. Mingħajr l-Ispirtu ma hemmx relazzjoni ma’ Kristu u mal-Missier. Għax l-Ispirtu jiftaħ il-qalb tagħna għall-preżenza ta’ Alla u jiġbidha f’dak iċ-“ċiklun” ta’ mħabba li hija l-istess qalb ta’ Alla. Aħna m’aħniex biss mistednin u pellegrini fil-mixja fuq din l-art, imma aħna wkoll mistednin u pellegrini fil-misteru tat-Trinità. Aħna bħal Abraham, li jum wieħed, xħin laqa’ fl-għarix tiegħu tliet vjaġġaturi, iltaqa’ ma’ Alla. Jekk fil-verità nistgħu nsejħu lil Alla “Abbà – Papà”, dan għax fina jgħammar l-Ispirtu s-Santu; huwa hu li jibdilna mill-qiegħ u jdewwaqna l-ferħ li jqanqal tal-Ispirtu s-Santu, dan id-don. Jaħdem fina biex imexxi ’l quddiem il-ħajja Nisranija tagħna lejn il-Missier, ma’ Ġesù.
Il-Katekiżmu jgħid hekk dwar dan: “Kull darba li nibdew nitolbu lil Ġesù, ikun l-Ispirtu s-Santu li, bil-grazzja tiegħu li tibda taħdem fina qabel nibdew nitolbu, jiġbidna fit-triq tat-talb. Jekk l-Ispirtu s-Santu jgħallimna nitolbu, huwa u jfakkarna lil Kristu, kif ma nitolbux lilu wkoll? Għalhekk il-Knisja kuljum tistedinna nitolbu lill-Ispirtu s-Santu, speċjalment fil-bidu u t-tmiem ta’ kull ħidma importanti li nagħmlu” (n. 2670). Araw liema hi l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fina. Hu “jfakkarna” f’Ġesù u jagħmlu preżenti għalina – nistgħu ngħidu li hu l-memorja Trinitarja tagħna, huwa l-memorja ta’ Alla fina – u jagħmlilna lil Ġesù preżenti, biex ma nirriduċuhx għal persunaġġ tal-imgħoddi: jiġifieri l-Ispirtu jġib preżenti lil Ġesù llum fil-kuxjenza tagħna. Kieku Kristu kien biss imbiegħed fiż-żmien, aħna konna nkunu waħidna u mitlufa fid-dinja. Iva, konna niftakru f’Ġesù, imma hemm, imbiegħed, waqt li l-Ispirtu jwassalhulna llum, isssa, f’dan il-mument fil-qalb tagħna. Għax fl-Ispirtu kollox jieħu l-ħajja: għall-Insara ta’ kull żmien u post hi miftuħa l-possibbiltà li jiltaqgħu ma’ Kristu. Hi miftuħa l-possibbiltà li jiltaqgħu ma’ Kristu mhux biss bħala persunaġġ storiku. Le: hu jiġbed lil Kristu fi qlubna, huwa l-Ispirtu li jlaqqagħna ma’ Kristu. Hu mhuwiex imbiegħed minna, l-Ispirtu huwa magħna: Ġesù sal-lum għadu jeduka lid-dixxipli tiegħu u jibdlilhom qalbhom, kif għamel ma’ Pietru, ma’ Pawlu, ma’ Marija ta’ Magdala, mal-Appostli kollha. Imma għaliex hu preżenti Ġesù? Għax huwa l-Ispirtu li jwasslu fina.
Hija l-esperjenza li għexu tant nies fit-talb: irġiel u nisa li l-Ispirtu s-Santu sawwarhom skont il-“qies” ta’ Kristu, fil-ħniena, fil-qadi, fit-talb, fil-katekeżi… Hija grazzja li nistgħu niltaqgħu ma’ persuni bħal dawn: nintebħu li fihom hemm tħabbat ħajja differenti, ħarsithom tara iżjed “lil hemm”. U moħħna ma jridx imur biss fuq il-monaċi, l-eremiti; dawn issibhom ukoll qalb in-nies komuni, nies li nisġu storja twila ta’ djalogu ma’ Alla, xi drabi ta’ taqbida interjuri, li ssaffi l-fidi. Dawn ix-xhieda umli fittxu lil Alla fil-Vanġelu, fl-Ewkaristija li rċivew u qiemu, fil-wiċċ ta’ ħuthom li kienu jinsabu fl-għawġ, u huma jħarsu l-preżenza tiegħu bħal nar moħbi fihom.
L-ewwel xogħol tal-Insara huwa proprju li jżommu mkebbes dan in-nar, li Ġesù ġab fuq l-art (ara Lq 12:49), u liema hu dan in-nar? Hu l-imħabba, l-Imħabba ta’ Alla, l-Ispirtu s-Santu. Mingħajr in-nar tal-Ispirtu l-profeziji jintfew, in-niket jgħaddi lill-ferħ, id-drawwa tieħu post l-imħabba, il-qadi jinbidel f’jasar. Tiġini f’moħħi x-xbieha tal-musbieħ mixgħul ħdejn it-tabernaklu, fejn tinżamm l-Ewkaristija. Anki meta l-knisja titbattal u jidħol il-lejl, anki meta l-knisja hi magħluqa, dak il-musbieħ jibqa’ jixgħel, jibqa’ jħeġġeġ: ma jarah ħadd, imma jixgħel quddiem il-Mulej. Hekk l-Ispirtu fil-qalb tagħna, hu dejjem preżenti bħal dak il-musbieħ.
Mill-ġdid insibu miktub fil-Katekiżmu: “L-Ispirtu s-Santu, li bl-unzjoni tiegħu jimla ħajjitna kollha, hu fina l-Imgħallem li jgħallimna t-talba Nisranija. Hu jinseġ it-tradizzjoni ħajja tat-talb. Veru li hemm triqat tat-talb daqskemm hemm persuni jitolbu, iżda hu dejjem l-istess Spirtu li jaħdem fina u magħna lkoll. Hu fl-għaqda fl-Ispirtu s-Santu li t-talb Nisrani hu talb tal-Knisja” (n. 2672). Kemm drabi jiġrilna li aħna ma nitolbux, ma jkollniex aptit nitolbu jew ħafna drabi nitolbu bħal pappagalli bil-fomm tagħna, imma l-qalb hi mbiegħda. Dan hu l-waqt li ngħidu lill-Ispirtu: “Ejja, ejja, Spirtu s-Santu, kebbes il-qalb tiegħi. Ejja u għallimni nitlob, għallimni nħares lejn il-Missier, inħares lejn l-Iben. Għallimni kif tkun it-triq tal-fidi. Għallimni kif inħobb u fuq kollox għallimni jkolli l-atteġġjament ta’ tama”. Irridu nsejħu l-Ispirtu s-Santu l-ħin kollu biex ikun preżenti fil-ħajjiet tagħna.
Huwa mela l-Ispirtu li jikteb l-istorja tal-Knisja u tad-dinja. Aħna paġni miftuħa, disponibbli li nilqgħu dak li hu jħażżeż fuqna. U f’kull wieħed u waħda minna l-Ispirtu jinseġ opri oriġinali, għax ma hemm qatt Nisrani eżatt bħall-ieħor. Fil-kamp ta’ konċentrament tal-qdusija, l-uniku Alla, Trinità ta’ Mħabba, iwarrad il-ġemgħa kbira ta’ xhieda: ilkoll bħal xulxin fid-dinjità, imma wkoll uniċi fil-ġmiel li l-Ispirtu ried li jiddi minn kull wieħed u waħda minn dawk li l-ħniena ta’ Alla għamlithom uliedu. Ma ninsewx, l-Ispirtu hu preżenti, hu preżenti fina. Nagħtu widen għall-Ispirtu, insejħulu l-Ispirtu – hu d-don, ir-rigal li Alla għamlilna – u ngħidulu: “Spirtu s-Santu, jiena ma nafx kif inhu wiċċek – ma nafuhx – imma naf li int il-qawwa, li int id-dawl, li int kapaċi tmexxini ’l quddiem u tgħallimni nitlob. Ejja, Spirtu s-Santu”. Kemm hi talba sabiħa din: “Ejja, Spirtu s-Santu”.
Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard