Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum se nieqfu fuq dimensjoni essenzjali tat-talb: il-barka. Inkomplu bir-riflessjoni tagħna fuq it-talb. Fir-rakkonti tal-ħolqien (ara Ġen 1-2), Alla kontinwament ibierek il-ħajja, dejjem. Ibierek l-annimali (1:22), ibierek lir-raġel u l-mara (1:28), u fl-aħħar ibierek is-Sibt, jum tal-mistrieħ u tat-tgawdija għall-ħolqien kollu (2:3). Huwa Alla li jbierek. Fl-ewwel paġni tal-Bibbja din hi ripetizzjoni kontinwa ta’ barkiet. Alla jbierek, imma anki l-bnedmin ibierku, u ma ndumux ma niskopru li l-barka għandha qawwa speċjali, li ssieħeb lil min jirċeviha għal ħajtu kollha, u tħejji l-qalb tal-bniedem biex iħalli lil Alla jibdlu (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium, 61).

Għalhekk, fil-bidu tad-dinja nsibu lil Alla li “jitkellem tajjeb”, bene-dire, jgħid it-tajjeb. Hu jara li kull opra ta’ jdejh hi tajba u sabiħa, u meta jasal għall-bniedem, u l-ħolqien jitwettaq kollu, jagħraf li kollox hu “tajjeb ħafna” (Ġen 1:31). Minn hemm u ftit ieħor dak il-ġmiel li Alla qiegħed fl-opra tiegħu se jinbidel, u l-bniedem isir ħlejqa li tinżel fil-baxx, kapaċi xxerred fid-dinja l-ħażen u l-mewt; imma xejn ma jista’ qatt ineħħi dik l-ewwel  marka ta’ Alla, marka ta’ tjieba li Alla qiegħed fid-dinja, fin-natura tal-bnedmin, fina lkoll: il-ħila li nbierku u l-fatt li aħna mbierka. Alla ma żbaljax bil-ħolqien u lanqas meta ħalaq il-bniedem. It-tama tad-dinja qiegħda kollha kemm hi fil-barka ta’ Alla: hu jkompli jridilna l-ġid, hu l-ewwel, kif jgħid il-poeta Péguy,[i] li jkompli jittama fil-ġid tagħna.

Il-barka l-kbira ta’ Alla hu Ġesù Kristu, huwa d-don il-kbir ta’ Alla, l-Iben tiegħu. Huwa barka għall-bnedmin kollha, huwa barka li salvatna lkoll. Huwa l-Kelma eterna li biha l-Missier berikna “meta konna għadna midinba” (Rum 5:8), jgħid San Pawl: Kelma li saret laħam u mogħtija għalina fuq is-salib.

San Pawl ixandar kollu ħeġġa l-pjan ta’ mħabba ta’ Alla u jgħid hekk: “Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li berikna b’kull xorta ta’ barka spiritwali, fis-smewwiet fi Kristu. Hekk hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba. Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi permezz ta’ Ġesù Kristu; hekk għoġob lir-rieda tajba tiegħu, għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, li biha mliena fil-Maħbub tiegħu” (Efes 1:3-6). Ma hemm ebda dnub li jista’ jħassar għalkollox ix-xbieha ta’ Kristu preżenti f’kull wieħed u waħda minna. Ebda dnub ma jista’ jħassar dik ix-xbieha li tana Alla. Ix-xbieha ta’ Kristu. Jista’ jisfiguraha, imma ma jistax jaħtafha minn taħt idejn il-ħniena ta’ Alla. Midneb jista’ jibqa’ fl-iżbalji tiegħu għal ħafna żmien, imma Alla għandu sabar sal-aħħar, jittama li fl-aħħar dik il-qalb tinfetaħ u tinbidel. Alla hu bħal missier twajjeb u bħal omm twajba, anki hu huwa omm twajba: ma jieqfu qatt iħobbu lil binhom, jiżbalja kemm jiżbalja, dejjem. Jiġuni f’moħħi t-tant drabi li rajt in-nies f’ringiela biex iżuru l-ħabs. Tant ommijiet ringiela wara xulxin biex jidħlu jaraw lil binhom fil-ħabs: ma jieqfu qatt iħobbu lil binhom u huma jafu li n-nies li tgħaddi minn hemm fix-xarabank qed taħseb: “Ara, dik omm wieħed ħabsi”. Madankollu xorta ma jistħux minn dan, jew aħjar, jistħu imma jibqgħu jmorru, għax binhom hu importanti iktar mill-mistħija tagħhom. Hekk aħna għal Alla aħna, iżjed importanti mid-dnubiet kollha li nistgħu nagħmlu, għaliex hu missier, hu omm, hu mħabba safja, hu li berikna għal dejjem. U mhu sa jieqaf qatt iberikna.

Hi esperjenza qawwija dik li taqra dawn it-testi bibliċi ta’ barka f’ħabs, jew f’komunità terapewtika ta’ riabilitazzjoni. Turi lil dawn il-persuni li xorta għadhom imbierka, minkejja l-iżbalji kbar tagħhom, li l-Missier tas-Sema jibqa’ jridilhom ħafna ġid u jittama li saflaħħar għad jinfetħu għat-tajjeb. Imqar jekk il-qraba l-iżjed stretti tagħhom abbandunawhom għax issa jiġġudikawhom irrekuperabbli, għal Alla huma dejjem ulied. Alla ma jista’ qatt iħassar minn ġo fina x-xbieha ta’ wlied, kull wieħed u waħda minna hu iben, bint. Xi drabi naraw mirakli jseħħu: irġiel u nisa li jitwieldu mill-ġdid. Għax isibu din il-barka li dilkithom bħala wlied. Għax il-grazzja ta’ Alla tibdel il-ħajja: teħodna kif aħna, imma qatt ma tħallina kif sabitna.

Ejjew naħsbu x’għamel Ġesù ma’ Żakkew (ara Lq 19:1-10), ngħidu aħna. Kulħadd jara l-ħażin fih; imma Ġesù jilmaħ fih xaqq ta’ tama, u minn hemm, mill-kurżità tiegħu li jara lil Ġesù, huwa jgħaddi l-ħniena li ssalva. Hekk inbidlet l-ewwel il-qalb u mbagħad il-ħajja ta’ Żakkew. Fil-persuni mormija u rrifjutati, Ġesù kien jara l-barka dejjiema tal-Missier. Żakkew kien midneb pubbliku, għamel ħafna affarijiet koroh, imma Ġesù ra dak is-sinjal permanenti tal-barka tal-Missier u hemm tidher il-ħniena tiegħu. Dik il-frażi li tant tittenna fil-Vanġelu, “ġietu ħniena minnu”, u dik il-ħniena twasslu biex jgħinu u jibdillu qalbu. Iżjed minn hekk, wasal biex jidentifika lilu nnifsu ma’ kull persuna fil-bżonn (ara Mt 25:31-46). Fis-silta tal-“protokoll” finali li fuqu lkoll kemm aħna sa niġu ġġudikati, Mattew 25, Ġesù jgħid: “Kont bil-ġuħ, kont għeri, kont fil-ħabs, kont l-isptar, kont hemm…”.

Lil Alla li jbierek, aħna wkoll inweġbuh billi nbierku – Alla għallimna nbierku u aħna għandna nbierku –: din hi t-talba ta’ tifħir, ta’ adorazzjoni, ta’ radd il-ħajr. Il-Katekiżmu jikteb: “It-talba tal-barka hi t-tweġiba tal-bniedem għad-doni ta’ Alla; għaliex Alla jbierek, il-qalb tal-bniedem tista’ bi tweġiba tbierek lil dak li hu l-bidu ta’ kull barka” (n. 2626). It-talba hi ferħ u rikoxxenza. Alla ma qagħadx jistenniena nikkonvertu biex beda jħobbna, imma dan għamlu minn ħafna qabel, meta konna għadna fid-dnub.

Ma nistgħux inbierku biss lil dan Alla li jberikna, jeħtieġ inbierku kollox fih, il-bnedmin kollha, inbierku lil Alla u nbierku lil ħutna, inbierku lid-dinja: dan hu l-għerq tal-ħlewwa Nisranija, il-ħila li nħossuna mbierka u l-ħila li nbierku. Li kellna nagħmlu kollox b’dan il-mod, żgur ma kienx ikun hemm gwerer. Din id-dinja għandha bżonn tal-barka u aħna nistgħu nagħtu l-barka u nirċievu l-barka. Il-Missier iħobbna. U min-naħa tagħna jonqos biss il-ferħ li nberkuh u l-ferħ li rroddulu ħajr, u li nitgħallmu minnu kif ma nisħtux, imma nbierku. U hawn ngħid biss kelma lil dawk li mdorrijin jisħtu, dawk li dejjem għandhom fuq fommhom, anki f’qalbhom, kelma ħażina, ta’ saħta. Kull wieħed minna jista’ jaħseb: Imma jien għandi dan il-vizzju li nisħet hekk? U nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nibdlu din id-drawwa għax aħna għandna qalb li hi mbierka u minn qalb imbierka ma tistax toħroġ is-saħta. Ħa nitgħallmu mill-Mulej kif qatt ma nisħtu imma nbierku.


[i] Le porche du mystère de la deuxième vertu, l-ewwel edizzjoni 1911, Edizzjoni Taljana Il portico del mistero della seconda virtù, Jaka Book, Milan 1997.

Maqlub għall-Malti minn Franceso Pio Attard