UEFA-EURO-2012-LOGO

Hekk kif illum jibda l-kampjonat tal-futbol EURO 2012, il-Kap tal-Knisja Kattolika qed jistieden lill-plejers, lid-dilettanti u lis-soċjeta kollha kemm hi sabiex tgħix din l-esperjenza fi spirtu ta’ ferħ u paċi.

Il-Papa bagħat il-messaġġ tiegħu lill-Arċisqof Józef Michalik, president tal-Konferenza Episkopali Pollakka, fl-okkażjoni tal-UEFA EURO 2012 fil-Polonja u l-Ukrajna. Il-messaġġ tal-Papa fakkar fil-messaġġ tal-predeċessur tiegħu Ġwanni Pawlu II li kien qal li l-isport huwa importanti għall-iżvilupp tal-persuna, u li s-sens ta’ fraternita, ġenerożita, onesta u rispett lejn il-ġisem fil-qasam sportive, jgħinu fil-binja ta’ soċjeta fejn il-kompetizzjoni sana tieħu post il-kunflitt.

Benedittu XVI qal li jekk wieħed jifhem l-isport f’dan l-ispirtu, ikun qed iħares lejh bħala għodda ta’ ċivilizzazzjoni, li timmotiva lill-individwu sabiex jirrikonoxxi u jutilizza l-aħjar kwalitajiet tiegħu, fl-istess  ħin li jwarrab dak li mhux ta’ ġid għalih.

Aktar minn hekk, il-Papa ssokta li l-isport f’tijm, bħal ma hu l-futbol, “hu skola importanti li teduka f’sens ta’ rispett lejn l-oħrajn, inkluż ir-rispett lejn l-avversarju fil-kompetizzjoni. L-isport f’tijm iżid ukoll l-ispirtu ta’ sagrifiċċju personali għall-ġid tal-grupp, itejjeb ir-relazzjonijiet ta’ dawk kollha fi ħdan it-tijm, u jagħti spazju għall-fraternita u l-imħabba lejn il-ġid komuni, biex jieħdu post l-individwaliżmu u l-egoiżmu li ħafna mid-drabi lkoll inkunu ttentati għalihom  fid-dinja tal-lum”.