L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Illum ippermettuli nibda mill-aħħar, mill-mistoqsija li Ġesù għamel lil kull wieħed u waħda minna. Fil-fatt sejjaħ lin-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u għamel appell lill-umanità kollha, anke lil dawk li ma kinux qegħdin isegwu: “X’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha mbagħad jitlef ħajtu?” (Mk 8:36) Donnu Ġesù qed jagħmel differenza bejn il-ġid ta’ din id-dinja — li tikseb id-dinja kollha — u ħajtek. Qed jgħidlek li ħajtek tiswa iżjed mill-ġid tad-dinja kollha. Imma eżattament xi tfisser li inti titgħallem tapprezza ħajtek u ma titlifhiex, tgħożżha u żżommha?

Qegħdin f’kapitlu 8 tal-Evanġelu ta’ San Mark u dan l-episodju li qrajna llum huwa important ħafna għal San Mark. Ġesù qed jipprova juri lid-dixxipli tiegħu, lil dawk ta’ madwaru, lilna wkoll, min hu tassew. Il-mistoqsija li għamel hija: “X’qed jgħidu fuqi n-nies?” Ġesù jistaqsiha mhux għax kien jinteressaħ ħafna x’ jgħidu fuqu, imma jrid jibda b’din il-mistoqsija.

Il-mistoqsija li għamel wara din hi iżjed importanti: “Jien, għalikom min jien?” (Mk 8:29) Ħa nibdew inħallu lil Ġesù jmexxi f’din it-triq li tgħinna insalvaw ħajjitna, ngħożżuha, intomgħmuha tajjeb.

L-ewwel mistoqsijiet li għandna nagħmlu huma: Min hu Ġesù għalija? Jagħmel sens li jkun f’ħajti? Għandu xi ħaġa x’jgħidli? Għandi xi ħaġa x’ nitgħallem minnu jew inkella huwa parti mill-folklor u mill-patrimonju tagħna? Jekk missirijietna għamlu hekk, allura tajjeb li aħna wkoll nagħmlu bħalhom?

Imma Ġesù x’inhu jgħidlek illum? Permezz ta’ Pietru niskopru l-identità vera ta’ Ġesù għaliex Pietru jagħti r-risposta t-tajba, u jgħidlu li hu l-Messija, il-magħżul, il-midluk tal-Mulej, u dak li se jsalva l-umanità, għax dik kienet il-missjoni tal-Messija. Tant huwa statement importanti li Ġesù stess jitlobhom biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq l-identità tiegħu.

F’dawn il-mumenti tgħaddi mill-prova tal-imħabba.

Aħna jiġrilna li ninkwetaw fuq iż-żgħażagħ tagħna għax forsi jkunu tbiegħdu mill-Knisja. Iżda tajjeb inħalluhom jiskopru lil Ġesù u nittamaw li jiskopruh bħala dak li jħabbat fuq il-bieb ta’ qalbhom u mhux jiskopru l-għadu ta’ ruħhom. Tgħiduli: “Imma kif?” Hawnhekk jiġi l-iebes. Għaliex dan Ġesù, malli qalilhom min hu, beda jitkellem fuq it-tbatija. Iżda Pietru m’għoġbitux din l-affari u Ġesù ċanfru.

Ġesu jitkellem fuq il-liġi iebsa tal-imħabba vera. Biex nifhem il-kelma ta’ Ġesù niftakar f’dawk il-ġenituri ħdejn is-sodda ta’ wliedhom. Niftakar f’dawk l-ulied ħdejn is-sodda tal-ġenituri tagħhom fil-mard. Meta ndur l-isptarijiet — mhux biss il-paediatric — timpressjonani din l-imħabba ta’ vera, li ħadd ma jitkellem fuqha u li tkun taf xi tfisser meta jkollok tgħaddi minnha u tiġi fuqek bla ma tkun taf u bla ma trid. F’dawn il-mumenti tgħaddi mill-prova tal-imħabba.

Ġesù jagħtiha tliet kelmiet: tiċħad lilek innifsek, terfa’ salibek, u timxi warajh (ara Mk 8:34). Min jgħaddi mill-imħabba fit-tbatija, jifhem dan il-kliem. Jista’ jkollok ħafna pjanijiet imma trid toqgħod ħdejn is-sodda ta’ ommok tajjeb, ta’ ibnek jew ta’ bintek. Addijo safar, addijo cruises u addijo ma nafx xiex iktar! U l-istint tiegħek — għax l-imħabba tkun vera — hija li tkun hemm u jekk ma tkunx hemm ma tkunx komda.

Kif qalilna Ġesù, trid tiċħad lilek innifsek u li terfa’ salibek li kultant ikun twil u taħseb li l-lasta tiegħu mhi se tispiċċa qatt! Bil-Malti ngħidu li min m’għandux salib għandu domna. Imma kultant jagħtina domna kbira wkoll. Dak li Ġesù jitlobna fl-imħabba, għamlu hu. Min qed jgħidilna biex nimxu warajh, refa’ hu stess is-salib.

Fil-qari tal-Vanġelu bħalissa qegħdin fil-mument meta għadu ma ġiex arrestat u kkundannat. Imma interessanti li Ġesù juża espressjoni “terfa’ salibek”, espressjoni li qatt ma kienet intużat qabel. B’din l-espressjoni qed jantiċipa l-mewt ħarxa tiegħu: li tgħabba bis-salib.

Hu ġie minxur fuq is-salib u miet fuq is-salib. Li terfa’ salibek, allura, tfisser li kultant taċċetta li d-dinja ċċapċaplek u mbagħad iċapċaphielek lura. Li mhux kull min ifaħħrek jixtiqlek l-aqwa ġid. Ħdejn l-imħabba vera, il-ġid ta’ din id-dinja ma jiswa xejn. Tgħiduli: “imma din aħbar tajba?” Morru l-isptar u ltaqgħu mal-għeżież morda tagħna u taraw x’inhi l-imħabba. Meta mmur Londra niltaqa’ mal-familji, li b’ġenerożità ta’ Puttinu Cares ikunu jistgħu jgħixu ma’ qrabathom tagħhom. F’dak il-mument il-kliem ta’ Ġesù jagħmel sens għax isir il-kejl tal-ikbar ħaġa sabiħa li ħadd ma jeħodhielhom: l-imħabba vera għal xulxin.

Minn hawnhekk nagħmel kuraġġ lil dawk l-għarajjes li jħobbu lil xulxin. Il-vera prova tal-imħabba hi meta l-Mulej jitolbok tiċħad lilek innifsek, terfa’ salibek u timxi warajh u titla’ l-kalvarju miegħu.

Jekk inħallu l-imħabba tmexxina fil-maltemp, fil-bnazzi, fi riħ isfel u fir-fuq, inkunu tassew salvajna ħajjitna.

Għall-mistoqsija jekk dan huwiex id-destin tagħna, Ġesù jwieġeb li se nsalaw ħajjitna. Imma kif?  Bil-paċi li jagħtik jekk tafda fih u l-glorja għal min iħobb, għax kollox jispiċċalna.

Xi ħaġa li jħobb jgħid il-Papa Franġisku, għalmitilu n-nanna tiegħu, kienet tgħidlu: “Ibni, il-kefen m’għandux bwiet.” Il-kefen, it-tebut, m’għandux bwiet. Darba minnhom kien hemm xi ħadd u qallu li se jitfa’ l-flus kollha fit-tebut imma xorta ma ħadhomx miegħu, għax “il-kefen m’għandux bwiet”. Ma nieħdu xejn magħna ħlief l-imħabba li biha nkunu ħabbejna.

Jekk inħallu l-imħabba tmexxina fil-maltemp, fil-bnazzi, fi riħ isfel u fir-fuq, inkunu tassew salvajna ħajjitna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 50:5-9a
Salm: 114(116):1-2,3-4,5-6,8-9
Qari II: Ġak 2:14-18
L-Evanġelju: Mk 8:27-35

Aktar ritratti