-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Knisja Parrokkjali, Ħ’Attard
5 ta’ Mejju 2019Għażiż Fr Joe, għażiż kappillan, illum Ġesù jissokta jgħidlek: “Ejja warajja” (Ġw 21:19). Tajjeb tiftakar fl-ewwel sejħat li l-Mulej għamillek ftit taż-żmien ilu. Ftakar kemm-il darba minħabba l-wegħda tal-ubbidjenza, kellek tgħidlu iva u dejjem b’xi avventura ġdida.
Illum qed jafdalek komunità kbira, realtà mżewqa li teħtieġ ragħaj fuq tradizzjoni qawwija ta’ ragħajja tajba li din il-lokalità ta’ Ħ’Attard kellha sa minn dejjem. Nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lil Fr Noel tas-snin ta’ dedikazzjoni u ta’ kura b’mod speċjali lil dawk l-imwarrbin. Il-memorja tal-qalb kbira tiegħu tibqa’ għal ħafna snin.
… it-tentazzjoni tagħna tkun li niftakru fi dnubietna, fin-nuqqasijiet u fid-dgħufija tagħna u nibżgħu ngħidulu iva.
Fr Joe, il-Mulej qed jistaqsik biex teżamina lilek nnifsek b’domanda li tiżboq kull preokkupazzjoni oħra: “Tħobbni int?” (Ġw 21:16). U bħal meta kull wieħed minna jisma’ din id-domanda, it-tentazzjoni tagħna tkun li niftakru fi dnubietna, fin-nuqqasijiet u fid-dgħufija tagħna u nibżgħu ngħidulu iva.
Il-Mulej ikompli jistaqsina. Għalih mhuwiex importanti li tgħodd id-dnubiet daqskemm li tpoġġi lilek innifsek fix-xenqa tiegħu li tkun xenqa ta’ mħabba. Dan li qiegħed jitlob minnek: “Tħobbni?” Għaliex inti, meta b’umiltà u b’sens ta’ realiżmu tajt ħajtek għalih, tgħidlu: “Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok” (Ġw 21:17). Ir-risposta tiegħu hija li jafdalek l-aqwa teżor li għandu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi”. Dak li qed jafdalek qed ifakkrek li n-nagħaġ, Fr Joe, mhumiex tiegħek, in-nagħaġ mhumiex tagħna. Anzi għal tliet darbiet ifakkar lil Pietru u jfakkar lil kull wieħed minna biex nirgħu n-nagħaġ tiegħu.
Hu li feda l-merħla bid-demm għażiż tiegħu, bħalma jfakkar San Pawl f’Miletu lill-presbiteri, lir-ragħajja ta’ Efesu, fl-istess ħin huwa dak Ġesù li biex tarah mhumiex biżżejjed is-sensi tal-perċezzjoni umana imma jrid ikollok ukoll sens qawwi ta’ fidi. Fil-laqgħat tagħhom mal-irxoxt, id-dixxipli dejjem kellhom mument ta’ eżitazzjoni; ma kinux jagħrfuh mill-ewwel. Is-sensi tal-ġisem ma kinux biżżejjed biex jidentifikaw lil Ġesù rxoxt għalihom. Kien hemm bżonn is-sens tal-fidi u tal-imħabba.
Wara dak il-lejl jitħabtu uwara dik il-ħidma bla riżultati, iħarsu lejn persunaġġ fuq ix-xtajta ta’ Tiberijade, dak li aħna ngħidulu l-Baħar tal-Galilija, u jitlobhom xi ftit ħutiet. Ma qabdu xejn. “Kalaw”. Jobduh u jkollhom sajda enormi. Jaqbdu numru kbir ta’ ħut li jirrappreżenta l-ispeċi kollha magħrufa fiż-żminijiet ta’ Ġesù. Imma fuq ix-xtajta diġa qiegħed jippreparalhom l-ikel.
Il-Mulej ilaqqagħna mal-qalb u mal-pjagi tiegħu fil-poplu tagħna.
Taqtax qalbek meta wara tant ħidma tistaqsi lilek innifsek: ‘Imma x’riżultati kellna? Imma x’ġara?’ Il-Mulej qiegħed miegħek u jieħu ħsiebek. Biex tarah fiċ-ċirkustanzi tad-dlam u ta’ qtigħ il-qalb, irid ikollok ukoll l-intuwizzjoni li kellu d-dixxiplu l-maħbub. “Il-Mulej dan” (Ġw 21:7). Imma fl-istess ħin toqgħodx tfittxu b’intensità li tneħħilek l-enerġija pastorali tiegħek għax se tiltaqa’ miegħu meta ma tkunx taf li qiegħed hemm u tinduna bih. Hekk jiġrilna aħna.
Il-Mulej ilaqqagħna mal-qalb u mal-pjagi tiegħu fil-poplu tagħna. Aħna nitolbu li min iħares lejna jilmaħ ukoll nies ta’ madwar Ġesù kif kienu jsibu lill-appostli fl-Atti tal-Appostli: “Dawk ta’ madwar Ġesù’. Ma jimpurtax billi aħna wkoll inkunu minn dawk kif hemm fl-Ewwel Qari, jiġifieri li “jistħoqqihom ikunu mmaqdra minħabba l-isem ta’ Ġesù” (Atti 5:41). Aħna magħrufin bħala dawk ta’ madwar Ġesù imma wkoll magħrufin bħal dawk li jistħoqqilna nkunu mmaqdra minħabba l-isem ta’ Ġesù. Dak ukoll id-destin u s-sejħa tagħna għax aħna ta’ madwar Ġesù li huwa “glorja ta’ Israel, dawl għall-ġnus” (ara Lq 2:32) imma wkoll ta’ Ġesù li hu “sinjal li jmeruh” (Lq 2:34).
X’inhu jitlob minnek il-Mulej? Li inti li tagħraf il-limiti, id-dgħufija u d-dnub tiegħek; li ma tieqafx hemm imma li fil-qalb tiegħek tfittex li tħobbu. “Tħobbni, inti? … Mulej, inti taf kollox. Inti taf li jiena nħobbok … irgħa n-nagħaġ tiegħi” (ara Ġw 21, 16-17).
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta