Il-Ħidma tad-Djakonija fil-parroċċi f’Malta, hija sostenn lil kull min b’xi mod isib ruħu f’sitwazzjoni ta’ diffikultà. Biżżejjed insemmu li l-parroċċi Maltin, filwaqt li jaħdmu id f’id ma’ entitajiet soċjali – kemm tad-djoċesi kif ukoll tal-istat – immexxija bil-ħidma tal-kappillani, il-kleru u voluntiera lajċi, isostnu madwar 1,300 familja bi bżonnijiet bażici bħall-ikel, ħwejjeġ, affarijiet tal-ħasil u ndafa, bżonnijiet għall-iskola tat-tfal u oħrajn. Dan barra ħidmiet varji ma’ gruppi bħall-anzjani, persuni b’diżabbilità, ommijiet żgħażagħ, u gruppi oħra li barra li jiġu mgħejjuna fil-bżonnijiet immedjati, jingħataw mezzi u opportunitajiet biex jagħrfu li huma wkoll għandhom x’joffru lill-komunità li jgħixu fiha, u mhuwiex il-bżonn li jiddefinixxi min huma bħala persuni imma fuq kollox id-doni u t-talenti uniċi li ġġor kull persuna.
Numru ta’ kappillani tkellmu dwar din il-ħidma mal-istudenti tal-iskola primarja tal Kulleġġ San Alwiġi matul il-kampanja “Embrace the Poor Week” organizzata mill-istess kulleġġ, f’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju Djakonija Parroċċi fi ħdan Caritas Malta.
Kull klassi kienet abbinata ma’ parroċċa, u matul waħda mil-lezzjonijiet, persuna impenjata fil-ħidma tal-parroċċi jew il-kappillan, spjegaw lill-istudenti din il-ħidma, u fuq kollox l-importanza li niftakru li llkoll kemm aħna benefatturi u beneficjarji tal-ħidma li nagħmlu għall-komunità u dawk fostha li l-iktar ikunu fil-bżonn.
Li persuni fil-bżonn jaf ikunu l-familjari u l-ġirien tagħna; u li kulħadd, fiċ-ċokon tiegħu jista’ joffri mqar impenn żgħir biex ebda persuna ma tiddubità li ħaqqha tgħix b’dinijità u għanda post uniku apprezzat fil-komunitajiet tagħna.
Kien hemm min spjega kif persuna tista’ tkun iżolata f’darha sempliċiment għax ma tiflaħx tinżel jew titla’ taraġ.
Il-klassijiet, skont l-età, ġew ippreżentati b’ħidma li ssir ma’ gruppi varji, bil-klassijiet ta’ l-ewwel sena jisimgħu fuq ħidmiet mal-anzjani, filwaqt li dawk tas-sitt sena jisimgħu dwar ħidma soċjali ma’ sitwazzjonijiet iktar kumplessi.
Kull laqgħa kienet esperjenza sabiħa fejn mhux biss ġie apprezzat u ċċelebrat dak li jsir, imma t-tfal ħadu l-impenn li jippreparaw kartolini b’messaġġi ta’ kuraġġ kemm lin-nies fil-bżonn kif ukoll lill-voluntiera impenjati; bit-tama wkoll, li meta jiġu iktar irrilaxxati l-protokolli tal-pandemija, ikunu jistgħu jsiru anki laqgħat fiżici ma’ dawn il-parrocci u l-ħidma tad-djakonija. Il-ġimgħa inkludiet ukoll laqgħa mal-għalliema u l-istaff tal-iskola.
F’din l-inizzjattiva l-parroċċi kienu rappreżentati mill-parroċċi ta’ San Ġiljan, Pembroke, l-Imtarfa, Wied il-Għajn, Bormla, il-Ħamrun, il-Marsa, Birkirkara, Birżebbuġa, Xgħajra, Santu Wistin il-Belt, il-Floriana u l-Iklin.
Messaġġi tal-kappillani rigward l-inizjattiva Embrace the Poor Week
Li l-edukazzjoni formali tkun indirizzata wkoll biex l-istudenti li jieħdu sehem fiha tgħinhom jinfetħu għal min ikun f’xi bżonn fis-soċjetà – anki bi ħwejjeġ sempliċi bħal kartolini b’xewqat tajba li jagħmlu huma stess – dan huwa investiment mhux żgħir. – Dun Renè Vella, Kappillan tal-parroċċa tal-Imtarfa
F’kull sitwazzjoni nistgħu niftħu qalbna għall-oħrajn, nivvintaw modi kif naqsmu kelma ta’ kuraġġ. U f’kull età! Anki mill-iskola nista’ nagħmel il-ġid. U ġid sabiħ għax ma naħdimx waħdi imma mal-oħrajn. Il-ħajja tagħna u ta’ ħaddieħor tista’ tkun isbaħ meta naħsbu f’ħaddieħor flimkien! Grazzi tal-kliem u għemil ta’ kuraġġ tagħkom. – Dun Anton Galea Scannura, Kappillan tal-parroċċa ta’ Birżebbuġa
Kemm hi ħaġa ta’ min jinkuraġġiha li t-tfal minn età żgħira jittrawmu f’ambjent li jkunu konxji li hawn nies madwarhom li minħabba ċ-ċirkostanzi tal-ħajja jkunu qegħdin ibatu. Permezz tat-tagħlim ikabbru fihom aktar is-sens ċiviku, iżda wkoll ikunu qegħdin jiġu esposti għall-valuri Nsara meħuda mis-silta ta’ Mattew kapitlu 25. – Fr Reuben Micallef, Kappillan tal-parroċċa ta’ Pembroke
Bħala parroċċa, apprezzajna ħafna dan il-ġest sabiħ minngħand it-tfal u l-għalliema tal-iskola Primarja tal-Kulleġġ San Alwiġi. Kemm il-friendship cards minn tfal għat-tfal kif ukoll il-cards t’apprezzament mit-tfal lill-katekisti għall-ministeru li jwettqu, b’imħabba u dedikazzjoni biex Ġesu’ jkun magħruf u maħbub. Hija ħaġa sabiħa li l-ambjent tal-iskola u l-ambjent tal-parroċċa jiltaqgħu għas-servizz tat-tfal, żgħażagħ u familji tagħna.’ – Fr Keith Bonnici, Kappillan tal-parroċċa tal-Iklin