Jiena nixtieq nirringrazzjakom ħafna ta’ din l-istedina. Nirringrazzja lil min qed jospitana. Nirringrazzja lilek ukoll Sur Sindku. Nixtieq nirringrazzja lilek Carmen tal-kelma tiegħek. Lilek ukoll, ħa ngħidlek Andrew, għaliex l-arti tiegħek ġabritna hawn illum, u ħerqan ukoll nara r-riżultat tal-ġenju tiegħek.
Waqt li nagħmlu t-talb tal-barka, nitolbu ħafna b’sufraġju ta’ Enzo, imma nitolbu wkoll biex il-valuri li Enzo ħa u ppromwova bl-arti, bl-umiltà u bl-għerf tiegħu, jibqgħu magħna. Dak jiddependi minna. Enzo għadda ħajtu jagħmel ħafna ġid; il-ġid li għamel jibqa’ magħna; iċċelebrajnieh ukoll. Nixtieq nirringrazzja ħafna wkoll lill-artisti li wasslu l-arti ta’ Enzo u l-arti sabiħa Maltija li tagħmlilna unur.
Imma d-domanda li rridu nagħmlu f’kull età hija: il-parti tiegħi, kif se nagħmilha aħjar? Kulħadd għandu rwol biex dan il-pajjiż ikun pajjiż sabiħ kif nixtiquh. Inutli noqogħdu ngħidu għax dak u l-ieħor. Jien, x’qiegħed nagħmel? Għax naħseb Enzo hekk għamel. Veru xtaq li l-lingwa Maltija, il-kultura Maltija, il-ġeneru Malti, il-fidi ta’ missirijietna, jibqgħu ħajjin; imma ma nimmaġinahx jieqaf biss fit-tnehida. Kien bniedem li xammar il-kmiem u ħadem sal-aħħar. Nixtieq nagħti tribut ukoll għal bniedem li ħabb, u li għax ħabb, għamel u jibqa’ ta’ unur kbir għal pajjiżna.
Grazzi ħafna u ħerqanin biex naraw ftit l-arti ta’ Andrew Attard.