Il-Patrijarka Bartilmew I dalgħodu, 6 ta’ Diċembru, iltaqa’ ma’ wħud mill-migranti mill-Etjopja, is-Sudan, l-Ukrajna, u l-Eritrea fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana. Iltaqa’ wkoll ma’ rappreżentanti ta’ NGOs li jaħdmu mal-migranti fosthom il-Kummissjoni Migranti, Patri Dijonisju Mintoff mil-Laboratorju tal-Paċi, u Dr Neil Falzon mill-Aditus Foundation. Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll l-Isqfijiet.
Wara li sema’ lill-migranti u l-membri tal-NGOs, il-Patrijarka qal, “Kollha għandkom sfidi differenti u individwali imma l-fattur komuni bejnietkom hu li intom tinsabu ’l bogħod minn darkom. Ħallejtu darkom. Qegħdin ’il bogħod. Nawgura li l-uġigħ tagħhom jittaffa. Nawgura li s-sena l-ġdida li daqt magħna, iġġib ferħ u hena lil kulħadd. Jagħtikom il-barka u l-awgurji tiegħu, mhux lilkom biss, imma wkoll lill-familji tagħkom, qegħdin fejn qegħdin.”
Il-Patrijarka wegħedhom ukoll it-talb tiegħu u saħaq dwar l-importanza tal-paċi fid-dinja kollha. “Nitlob għalikom, għall-migranti kollha, għar-refuġjati kollha, għal dawk kollha li jsofru minħabba vjolenza, regħba u l-gwerra, għal dawk kollha oppressi fid-dinja. Għandna bżonn il-paċi u inqas regħba.” Żied jgħid li din mhix kwistjoni ta’ gwerra, faqar jew reliġjon, imma ta’ ġustizzja u verità.