“Jien emozzjonat ħafna bil-ġenerożità u s-solidarjetà tal-Maltin u Għawdxin li minkejja kollox taw rigal mill-isbaħ ta’ €2,531,540 lid-Dar tal-Providenza.” Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, mill-uffiċċju tiegħu fis-Siġġiewi minn fejn kien qed isegwi l-maratona u jwieġeb it-telefonati. Huwa żied jgħid li minkejja l-mard u l-inċertezzi li ġabet magħha l-pandemija Covid-19, il-poplu Malti reġa’ għamel ħwejjeġ kbar mad-Dar tal-Providenza li f’dawn l-aħħar xhur rat tnaqqis kbir fid-dħul tagħha l-aktar billi kellha tħassar attivitajiet ta’ ġbir ta’ flus bħall-maratona tal-volleyball. Dan kien messaġġ ta’ tama fi żmien ta’ qtugħ il-qalb dwar kemm se ndumu maħkuma mill-pandemija.
Huwa qal dan fi tmiem ta’ maratona televiżiva ta’ ġbir ta’ fondi b’risq id-Dar biex tkun tista’ tkompli tipprovdi l-aħjar servizzi residenzjali lil 115-il persuna b’diżabilità li jgħixu fid-djar tagħha fis-Siġġiewi u fil-komunità. Minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija Covid-19 li ninsabu fiha, kellu jitbiddel il-programm kollu kif ukoll il-post fejn saret l-attività. Biex ukoll jiġu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tar-residenti, li kienu l-prijorità assoluta tal-Amministrazzjoni tad-Dar minn Marzu li għadda, ma sar xejn fil-parkeġġ li hemm fis-Siġġiewi kif kien isir is-soltu ħlief drive-thru fejn dak li jkun seta’ jwassal id-donazzjoni tiegħu mingħajr ma jkollu għalfejn joħroġ mill-karozza.
Il-parti mportanti tal-ġbir tal-flus għad-Dar inklużi l-appelli, telefonati eċċetra saret fl-istudios ta’ WE f’Ħal Qormi bejn nofsinhar u nofsillejl. Matul il-maratona kien hemm fl-istudios il-President ta’ Malta, Dott. George Vella u s-Sinjura Vella, Mons. Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi, l-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca u permezz ta’ Skype I-Isqof t’Għawdex Anton Teuma u l-Kap tal-Oppożizzjoni u s-Sinjura Grech. Attendew ukoll għadd ta’ ministri u membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati kif ukoll delegati tal-partit politiċi ewlenin, personalitajiet distinti u rappreżentanti ta’ korpi kostitwiti li qattgħu ħin iwieġbu t-telefonati tal-pubbliku.
M’hemmx għalfejn jingħad li kollox kien skont il-protokolli li huma in vigore mill-Awtoritajiet tas-Saħħa bħall-ilbies ta’ maskri, social distancing, użu ta’ diviżorji tal-perspex eċċ. Fr Martin Micallef segwa l-maratona mill-uffiċċju tiegħu fis-Siġġiewi u għamel għadd ta’ interventi permezz ta’ Skype.
Bħal kull sena, għadd ta’ parroċċi f’Malta w Għawdex organizzaw ġabriet speċjali li mbagħad ingħataw lid-Dar f’isem il-komunità parrokkjali uħud minnhom permezz ta’ Skype.
L-ewwel żjara saret minn Mons Arċisqof Charles J. Scicluna li wkoll iċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza mgħejun minn Mons. Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija u Fr Trevor Fairclough, Direttur Spiritwali tad-Dar. L-Arċisqof enfasizza l-barkiet ta’ Alla fis-silta mill-Ktieb tan-Numri fl-ewwel qari tal-quddiesa: Il-Mulej ibierkek, iħarsek u jagħtik is-sliem.
Huwa qal li dawk kollha li qatt żaru d-Dar tal-Providenza jifhmu malajr kif il-Mulej juża persuni normali biex bihom jagħmel ħwejjeġ kbar. Hekk għamel meta uża lil Mons. Mikiel Azzopardi biex iwaqqaf dar għal persuni b’diżabilità u għal dawn l-aħħar ħamsa w ħamsin sena ir-residenti sabu dar li ħadet ħsiebhom bir-rispett sħieħ tad-drittijiet u d-dinjità tagħhom. Huwa rringrazzja l-carers, il-ħaddiema u l-volontiera kollha li għal dawn l-aħħar għaxar xhur tal-pandemija kien qed jieħdu ħsieb u jipproteġu r-residenti u lill-ħaddiema sħabhom.
Mons. Scicluna rrefera għall-pandemija u qal li t-teħid tal-vaċċin mhuwiex obbligatorju imma wkoll dover tagħna biex nuru li, bħala ċittadini, aħna kapaċi nieħdu ħsieb tagħna u ta’ dawk ta’ madwarna.
Il-ġurnata tal-ewwel tas-sena bdiet b’quddiesa mill-kappella tad-Dar fid-9.30am waqt li x-xandira televiżiva bdiet f’nofsinhar u baqgħet sejra sa nofsillejl meta tħabbret is-somma totali. TVM2, ONE TV u NET TV ingħaqdu f’ħinijiet twal fix-xandira diretta ta’ madwar tnax-il siegħa. Matul ix-xandira taw sehemhom għadd ta’ kantanti u mużiċisti ewlenin Maltin.