Il-Papa Franġisku qal li l-popolazzjoni kollha f’Gaża għandha tkun salvata u li f’Gaża hemm bżonn passaġġi sikuri għaċ-ċivili.

Il-Papa stieden lil kull min jemmen sabiex nhar it-Tlieta jingħaqad fl-inizjattiva ta’ Jum Talb u Sawm għall-Paċi fid-Dinja.

Fl-indirizz tiegħu wara t-talba tal-Anġelus il-Ħadd filgħodu, il-Papa Franġisku appella lill-ġellieda Iżraeljani u Palestinjani sabiex jieqfu mill-attakki vjolenti u milli jxerrdu iktar “demm innoċenti”.

Il-Papa qal li jinsab imweġġa’ b’dak li qed jiġri fl-Art Imqaddsa partikolarment it-tbatijiet li għaddejjin minnhom it-tfal u l-anzjani.

Huwa appella sabiex jinħelsu l-ostaġġi u saħaq li l-popolazzjoni kollha f’Gaża għandha tkun salvata u sostna li f’Gaża hemm bżonn passaġġi sikuri għaċ-ċivili.

“Diġà tilfu ħajjithom ħafna nies. Tibqgħux ixxerrdu iktar demm innoċenti la fl-Art Imqaddsa u lanqas fl-Ukrajna jew f’postijiet oħra,” appella l-Papa.

Huwa fakkar li t-talb huwa l-forza kontra l-mibegħda, it-terroriżmu u l-gwerra u appella lil kulħadd sabiex it-Tlieta jingħaqad fl-inizjattiva ta’ Talb u Sawm għall-Paċi.

Sors: Newsbook Malta