Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Il-President ta’ Malta, Dr Myriam Spiteri Debono, għamlet l-ewwel żjara uffiċċjali tagħha fid-Dar tal-Providenza u f’messaġġ li ħalliet fil-ktieb tal-viżitaturi qalet, “Jalla l-wens u l-faraġ imbierek li jinxtered permezz ta’ din l-opra ta’ mħabba jġib dejjem fuq quddiem it-tajjeb kollu f’kull bniedem.” Hija esprimiet il-ferħ tagħha fl-ewwel żjara uffiċċjali tagħha fid-Dar tas-Siġġiewi, li hija ddeskriviet bħala l-opra tajba ta’ Mons. Mikiel Azzopardi, opra dejjiema li f’dawn is-snin kollha kompliet titkattar bl-imħabba u ġenerożità tal-poplu Malti.

F’diskors ta’ merħba, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, irringrazzja lill-President ta’ Malta li għoġobha tilqa’ l-istedina li żżur id-Dar.  Huwa spjega s-servizzi li toffri d-Dar u rringrazzjaha tal-appoġġ tagħha. 

Fr Martin żied jgħid li d-Dar tal-Providenza tibqa’ impenjata li toffri s-servizzi residenzjali lill-persuni b’diżabilità filwaqt li tkun ukoll ta’ ispirazzjoni għas-soċjetà Maltija tal-valuri li jiddistingwuna bħala poplu, dak tas-solidarjetà u r-rispett lejn kull persuna.

Il-President iltaqgħet ma’ diversi residenti tad-Dar waqt sessjoni tal-mużika, fil-pixxina terapewtika, fiċ-ċentru agrikolu San Isidor, fil-kmamar multisensorjali, fost oħrajn. Hija żaret ukoll il-kappella u l-mużew iddedikat lil Mons. Mikiel Azzopardi, l-fundatur tad-Dar tal-Providenza. Fil-Gym iltaqgħet ukoll mal-Prof. Joseph Grima, President tas-Siġġiewi Rowing Club, li spjegalha li dan il-gym bi ftehim mad-Dar tal-Providenza qed jintuża wkoll mis-Siġġiewi Rowing Club fejn diversi persuni inkluż persuni b’diżabilità jmorru jittrenjaw hemmhekk filgħaxija. Waqt iż-żjara tagħha, l-President iltaqgħet ukoll ma’ diversi ħaddiema tad-Dar u faħħret l-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom.

Din is-sena d-Dar tal-Providenza qed tiċċelebra s-60 anniversarju mit-twaqqif tagħha.  Tul dawn is-snin id-Dar offriet servizzi residenzjali lil madwar 275 persuna b’diżabilità.  Illum id-Dar tospità 115-il persuna fid-diversi djar li għandha, kemm fir-raħal tas-Siġġiewi kif ukoll, fil-Qawra, Birkirkara u ż-Żurrieq.