Il-Papa Benedittu XVI u l-President tal-Kazakhstan qablu li dan hu pajjiż li jgawdi koeżistenza paċifika minn għadd ta’ fidili minn reliġjonijiet differenti. Dan ħareġ fi żjara li Nursultan Nazarbayev għamel lill-Papa fil-Vatikan, fejn huwa ltaqa’ wkoll mas-Segretarju tal-Istat, il-Kardinal Tarcisio Bertone u mas-Segretarju tal-Vatikan għar-Relazzjonijiet bejn il-pajjiżi differenti, l-Arċisqof Dominique Mamberti.
Komunikat maħruġ mill-Vatikan irrapporta li “l-attenzjoni daret fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw l-kriżi ekonomika, fid-dawl tal-enċiklika Caritas in Veritate, għal kwistjonijiet ta’ djalogu inter-reliġjuż u l-promozzjoni tal-paċi, u dan kollu lejliet il-Presidenza tal-Kazakhstan tal-organizzazzjoni għas-sigurta u l-koperazzjoni fl-Ewropa”.
Il-mexxejja esprimew ukoll is-sodisfazzjon tagħhom għar-relazzjonijiet tajbin bejn il-pajjiż tal-Asja Ċentrali u s-Santa Sede.
“Issemmiet ukoll il-koeżistenza paċifika bejn il-fidili ta’ diversi denominazzjonijiet ta’ fidi u t-tama espressa li l-fidili jista’ jkollhom rwol dejjem iktar attiv fil-ħajja tal-pajjiż u favur il-ġid komuni”.
Mill-15-il miljun persuna li joqogħdu fil-Kazakhstan, madwar 50% huma Musulmani Xiti, u iktar minn 40% insara, primarjament Ortodossi. Hemm bejn wieħed u ieħor 250,000 Kattoliku fil-pajjiż.
Il-Knisja fil-Kazakhstan tinkludi l-Arċidjoċesi ta’ Astana, iż-żewħ djoċesijiet ta’ Karaganda u Almaty, u l-amministrazzjoni appostolika ta’ Atryau.