• Omelija tal-Isqof Mario Grech

  • Knisja ta’ San Franġisk ta’ Assisi, il-Belt Valletta

    1 ta’ Ottubru 2017

    Għalkemm il-qawl jgħid li d-drawwa li titrawwam fina, il-kefen biss ineħħiha, fil-Vanġelu llum Ġesù jirrakkontalna storja biex jikkonvinċina li l-bniedem kapaċi jinbidel, kapaċi jibdel il-fehma u l-konvinzjonijiet tiegħu, kapaċi jibdel l-atteġġjamenti tiegħu anki jekk ikun ilu żmien twil bihom tant li l-qarn ikun dar!

    Għandna l-eżempju tal-iben il-kbir, tal-pubblikani u tan-nisa tat-triq. Dawn bidlu l-fehma tagħhom anki jekk kellhom x’jitilfu! Minkejja li kellhom interessi investiti, waslu biex jagħmlu u-turn fil-ħsieb u l-istil ta’ ħajjithom. 

    Il-fatt li l-missier tal-parabbola jibgħat liż-żewġt uliedu jaħdmu l-għalqa tad-dwieli jqiegħed quddiem għajnejna r-relazzjoni li hemm bejn il-bniedem u l-art, il-bniedem u n-natura! L-għalqa tad-dwieli tippreżentalna ekosistema kumplessa fejn hemm involuti l-art, id-dwieli, l-ilma, is-saħħa (il-pestiċidi), il-kummerċ, id-drittijiet tal-ħaddiema li jipproduċu, id-drittijiet tal-konsumatur, u aktar.

    L-art mhix sudditu tal-bniedem

    Biex ikun hemm ekwilibriju u jiġi mħares l-ambjent integrali, inħoss li qabelxejn huwa importanti li l-bniedem jirrevedi lilu nnifsu biex ma jkomplix iqis ruħu l-ħakem tal-art! Insib interessanti osservazzjoni li jagħmel it-teologu Jürgen Moltmann meta jikteb illi “jekk naqraw bil-lenti ekoloġika l-istorja tal-ħolqien li hemm fil-Ġenesi, insibu li l-bniedem huwa l-aħħar fost il-ħlejjaq li ħalaq Alla u għalhekk huwa l-aktar ħlejqa ħajja dipendenti. Biex ikun jista’ jgħix, bilfors jeħtieġlu li jkunu jeżistu l-ħlejjaq l-oħra kollha – l-art, is-sema, id-dawl, il-pjanti, l-annimali. Mingħajrhom ma jistax jgħix. Il-bniedem huwa biss membru tal-komunità tal-ħlejjaq li hawn fid-dinja. Għalhekk, skont l-ewwel rakkont tal-ħolqien, l-art mhix sudditu tal-bniedem, imma ħlejqa kbira u unika li toħloq: tagħti l-ħajja, il-ħxejjex, is-siġar u l-annimali ta’ kull għamla”. Meta aħna l-bnedmin nagħrfu u naċċettaw din il-verità, ma nistgħux ma nibdlux il-mod kif aħna nħarsu u nittrattaw l-ambjent ta’ madwarna. Ma nibqgħux niddominaw. Ma għandna ebda dritt naħqru l-ambjent.

    Is-soċjetà għandha bżonn ukoll tagħti tifsira ġdida tal-progress. Nistgħu nitkellmu fuq progress veru meta dan iġib ’il quddiem b’mod integrali l-kwalitajiet tal-ħajja tal-persuni individwalment u tal-komunitajiet, u fl-istess waqt jiżgura li aħna ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet futuri ambjent aħjar. Dan ma jfissirx li ma għandux ikun hemm ebda żvilupp u progress; imma neħtieġu nies kreattivi u responsabbli f’kull livell tas-settur pubbliku u privat li jiftħu toroq ġodda biex jista’ jkun hemm żvilupp indaqs u sostenibbli. Biex ikun hemm din is-sostenibbilità, hemm bżonn li jkun hemm kumplimentarjetà bejn il-kapital naturali u dak artifiċjali (Laudato Si’, 195) ma jkunx hemm riċetti uniformi, imma kull proposta tikkunsidra l-problemi u l-opportunitajiet ta’ kull post (Laudato Si’, 180), u li l-għażliet soċjo-ambjentali jsiru fi djalogu trasparenti b’tisħib effettiv taċ-ċittadini u tal-komunitajiet lokali (Laudato Si’, 183).

    Il-progress veru jrid jagħti widen kemm għall-karba tal-art u kemm għall-karba tal-foqra. Nagħti ftit eżempji prattiċi:

    1. Pajjiżna sabiħ, imma l-ġmiel tiegħu faċli jittappan jekk ma nkunux aktar kuxjenzjużi u nħarsu l-indafa pubblika. Forsi l-kmandament “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” għall-Maltin u l-Għawdxin jista’ jkun miftiehem iktar jekk inbiddluh f’“Ħobb lid-dar komuni tagħna bħal darek”. Dak li nikkunsmaw u li narmu huwa deċiżjoni tagħna, kemm bħala individwi, familji u komunità. Il-miżbliet tal-Magħtab u tal-Qortin fix-Xagħra ma jimtlewx mix-xejn. L-intrapriżi wkoll għandhom responsabbiltà kbira li jagħrfu jużaw mezzi u proċessi li jħarsu lill-ambjent. Il-Corporate Social Responsibility li jħaddnu ħafna intrapriżi m’għandhiex tkun biss mezz ta’ reklam għall-intrapriżi nfushom, imma sforz ġenwin li jħares l-interess tal-komunità fejn l-intrapriża topera, u tas-soċjetà u l-pajjiż kollu.


    Barra mill-ġarr u d-depożiti tat-terrapien, hu ħażin ukoll il-ħmieġ (refuse) li ċ-ċittadini ġieli jħobbu jarmu fit-toroq, kif ukoll meta nħammġu l-ambjent billi narmu kollox mal-art!

    1. Hemm imbagħad it-tinġis (pollution) tal-ħsejjes. Hawn nies li ma jistgħux jorqdu billejl minħabba d-damdim minn stabbilimenti tad-divertiment. It-tħaddim tad-dritt għall-gwadann ekonomiku ma jistax isir superjuri għad-dritt li għandu ħaddieħor għall-mistrieħ xieraq, speċjalment f’daru stess. Is-skiet huwa wkoll riżorsa ambjentali għax fih il-bniedem isib lilu nnifsu.
    1. It-tibdil fil-klima b’kawża tal-aġir tal-bniedem qed jhedded il-ġid komuni u x-xjenzati jbassru li, minħabba tibdil klimatiku, komunitajiet sħaħ f’pajjiżi differenti, inkluż il-Mediterran, ikunu milquta ħażin jekk ma tibdiex tittieħed azzjoni mil-lum. Jekk dan ma jsirx, it-tibdil fil-klima se jikkumplika iktar il-moviment ta’ popli li jippruvaw ifittxu ambjent li jagħmel ġustizzja lid-dinjità tal-bniedem.
    1. It-tgawdija tal-oqsma miftuħa għall-familji, speċjalment dawk bi tfal żgħar, hija dritt illi m’għandux ikun imċaħħad minn min huwa f’saħħtu iżjed.
    1. Il-liġijiet tas-suq, barra li huma għodda li jiżguraw il-qligħ, f’ċerti każi saru madmad għaż-żgħir u l-fqir. Huwa aċċettabbli li sid ta’ proprjetà jirdoppja, b’theddida ta’ tkeċċija, il-kirja f’temp ta’ xahar minn €350 għal €700, bla ma jqis xejn – lanqas li l-kerrejja tkun mara trabbi tfal żgħar waħedha, jew koppja għadha tipprova ssib saqajha?


    Irrid inwassal il-vuċi tal-familji Għawdxin li għandhom lil uliedhom jistudjaw fl-Università ta’ pajjiżna u qed ikollhom iġorru madmad finanzjarju u psikoloġiku mhux ħafif, jew għax ma jsibux jikrulhom post diċenti peress li l-liġi tas-suq qed toffri lis-sidien għażliet aktar profumati, jew għax jintalbu prezzijiet li jniżżlulhom id-dafar (bejn €150 u €200 fix-xahar għal kamra maqsuma bejn żewg studenti).

    Quddiem din il-qagħda, ma rridux inkunu minn dawk li jtennu li l-affarijiet ma jinbidlux. Kif għidt, il-bniedem huwa suġġett li jevolvi. Il-ħajja hija mixja ’l quddiem, anki jekk b’passi ċkejknin. Kif jgħid il-Papa Franġisku, “Għandna bżonn ta’ ħarsa differenti, ħsieb, politika, programm edukattiv, stil ta’ ħajja u spiritwalità” (Laudato Si’, 111). Nemmen li fostna hawn rieda ċivika u politika biex inkomplu nsaqqu l-umaniżmu ekoloġiku li bis-saħħa ta’ ħafna nżera’ u qed jikber f’pajjiżna.

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja