Il-Vatikan qal li mhuwiex inkwetat dwar il-possibilta ta’ protesti waqt iż-żjara tal-Papa fir-Renju Unit il-ġimgħa d-dieħla. Dan ikkonfermah il-kelliem għall-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan Patri Federico Lombardi waqt li kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Kampanja msejħa PROTEST THE POPE qed torganizza dimostrazzjoni f’Londra nhar it-18 ta’ Settembru, fost oħrajn biex isemmgħu leħinhom dwar il-mod kif il-Knisja aġixxiet fil-każi tal-imsejħa kriżi ta’ abbużi sesswali.

Patri Lombardi qal li “m’hemm xejn fil-protesti li wieħed għandu jsib inkwetanti għax dawn it-tip t’attivitajiet huma parti mill-klima normali ta’ soċjeta pluralista”. Lombardi rrefera wkoll għal artiklu riċenti fir-rivista The Tablet fejn intqal li hi biss il-minorita li hi ostili lejn il-Papa.

Mill-51 miljun abitant fir-Renju Unit, 5 miljuni huma kattoliċi. Minn dawn huwa stmat li mal-miljun jattendu għall-quddiesa tal-Ħadd.

Min-naħa l-oħra Patri Lombardi żied jgħid li l-klima fil-maġġorparti tagħha mhix waħda negattiva fir-rigward taż-żjara tal-Papa, anzi qal li f’għadd ta’ stħarriġ kien affermat li l-interess għaż-żjara Papali mhux ftit u l-ostilita hi biss tal-ftit.

Il-vjaġġ lejn ir-Renju Unit se jkun is-17-il wieħed internazzjonali tal-Papa Benedittu XVI u fi kliem il-kelliemi għall-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, Patri Federico Lombardi, l-istennija għalih “hi notevoli”.

VATICAN CITY, SEPT. 10, 2010 (Zenit.org)