Il-Provinċja Agostinjana ta’ Malta tifraħ lil wieħed minn uliedha, P. Prospero Grech OSA għan-nomina tiegħu bħala Kardinal tal-Knisja Kattolika.
P. Prespero Grech OSA twieled il-Birgu nhar l-24 ta’ Diċembru 1925 u ingħata l-isem ta’ Stanley fil-magħmudija tiegħu. Huwa ingħaqad mal-Ordni ta’ Santu Wistin fl-1943. Fl-1946 intbagħat Ruma sabiex ikompli l-istudji teoloġiċi fil-Kulleġġ Internazzjonali Santa Monika. Kien ordnat presbiteru fil-25 ta’ Marzu 1950.
P. Prospero ingħata għall-ħajja akkademika u speċjalizza fit-teoloġija fl-Università Pontifiċja Gregorjana bit-teżi dottorali The Atonement of God in Modern English Theology (1953). Huwa kompla l-istudji tiegħu fl-Iskrittura Mqaddsa bil-Istitut Pontifiċju Bibliku (Ruma) fejn iggradwa summa cum laude.
Fost id-diversi karigi li okkupa fl-Ordni Agostinjan, fl-1971 inħatar l-ewwel President tal-Istitut Patristiku Augustinianum tal-Ordni ta’ Santu Wistin. P. Prospero qeda l-ministeru akkademiku tiegħu f’diversi universitajiet barra minn Malta u qeda lill-Knisja Universali f’diversi Kummissjonijiet Pontifiċji u bħala Konsultur tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi.
Il-Provinċja Agostinjana Maltija tifraħ lil P. Prospero Grech għan-nomina kardinalizja li rċieva mill-Q. T. il-Papa Benedittu XVI. Minbarra li huwa unur fuq livell personali, huwa wkoll unur għall-Ordni ta’ Santu Wistin li fin-nomina tiegħu jara r-rikonoxximent tal-Knisja Universali għas-servizz lejn l-Evanġelju. Flimkien mal-Knisja Maltija il-Provinċja Agostinjana trodd ħajr lil Alla u takkumpanja lil P. Prospero bit-talb sabiex jagħraf ikompli jaqdi bl-aħjar mod il-Knisja Kattolika.