Ritratti: KDT

Fl-aħħar laqgħa li saret tal-Kummissjoni Djoċesana Tfal (KDT), it-tfal membri xtaqu jiddiskutu l-qari spiritwali, u kif il-Knisja tista’ tħeġġeġ aktar tfal jaqraw dan it-tip ta’ qari. Għal din il-laqgħa xtaqu li l-Arċisqof Charles Scicluna jkun preżenti u jiddiskutu miegħu dan is-suġġett.

Il-laqgħa kienet maqsuma fi tnejn. Fl-ewwel parti, it-tfal ħarġu u ddiskutu diversi ideat ta’ kif il-Kummissjoni Djoċesana Tfal tista’ tgħin biex jiżdied il-qari spiritwali qalb it-tfal. Fost oħrajn kien hemm: ix-xewqa ta’ librerija spiritwali dedikata għat-tfal; bejgħ ta’ kotba spiritwali f’diversi parroċċi; kif ukoll rakkuntar ta’ stejjer f’parroċċi differenti waqt jew wara l-quddies tat-tfal dwar l-Evanġelju tal-jum.

Fit-tieni parti tal-laqgħa, it-tfal kollha ġabu magħhom il-ktieb favorit tagħhom u qasmu ħsibijiethom mal-Arċisqof Scicluna. Min-naħa tiegħu, l-Arċisqof ġab xi kotba favoriti tiegħu u qara silta minnhom lit-tfal. Hu esprima li hemm diversi kotba li jistgħu jaqraw meta jkunu tfal, u jagħmlu tajjeb jekk jerġgħu jaqrawhom meta jikbru, għax jibqgħu attwali u jistgħu jieħdu minnhom ħsibijiet differenti. Fost dawn semma l-eżempju tal-ktieb klassiku Pinocchio.

Bħala ringrazzjament talli ngħaqad magħhom għal din il-laqgħa, it-tfal taw lill-Arċisqof l-awtobijografija tal-Papa Franġisku.

Il-laqgħa saret fil-Librerija Teoloġika tas-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù, li hi l-ikbar librerija teoloġika f’Malta. Preżenti għal-laqgħa, minbarra t-tfal, kien hemm ukoll żewġ membri tal-KDT, id-Delegata għat-Tfal Sr Anna Sammut, ir-Rettur tas-Seminarju Dun Jimmy Bonnici u l-Vigarju Episkopali għall-Kordinament Pastorali Dun Andrè Zaffarese.

Il-Kummissjoni Djoċesana Tfal hi maqsuma f’żewġ sezzjonijiet: KDT u KDT+. Il-KDT hi għal tfal bejn is-7 u t-13-il sena, filwaqt li l-KDT+ hi għal adolexxenti minn 14-il sena ‘l fuq. Din il Kummissjoni fi ħdan l Arċidjoċesi ta’ Malta taħdem fuq il formazzjoni soċjali u spiritwali tat tfal membri tagħha. Dan isir permezz ta’ diversi attivitajiet bħal weekend live ins, laqgħat ta’ kull xahar u laqgħat regolari mal Arċisqof. Minbarra t tfal, il Kummissjoni tieħu ħsieb takkumpanja wkoll lill familji tagħhom b’attivitajiet għall familja kollha.