• L-Ewwel Qari

      Mill-Atti tal-Appostli 10:34a.37-43

      Pietru qabad jitkellem u qal: Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien xandar il-magħmudija; tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nazaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu. U aħna xhud ta’ dak kollu li hu għamel fl-art tal-Lhudija u f’Ġerusalemm. 

      “Tawh il-mewt billi dendluh ma’ l-għuda tas-Salib; imma Alla qajjmu mill-imwiet fit-tielet jum u għamel li hu jidher, mhux lil kulħadd, imma lix-xhieda li Alla għażel minn qabel, lilna, li miegħu kilna u xrobna wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet. Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu li dan hu dak li Alla għamlu mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin. Il-profeti kollha jixhdu għalih u jgħidu li kull min jemmen fih jaqla’  l-maħfra tad-dnubiet bis-saħħa ta’ ismu.”

  • Salm Responsorjali

    Salm 118(117):1-2.16ab-17.22-23

    Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,

    għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

    Ħa jgħidu wlied Iżrael:

    “Għal dejjem it-tjieba tiegħu.”

    Il-leminija tal-Mulej ‘il fuq merfugħa,

    il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila.

    Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix,

    u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.

    Il-ġebla li warrbu l-bennejja

    saret il-ġebla tax-xewka.

    Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:

    ħaġa ta’ l-għaġeb f’għajnejna.

  • It-Tieni Qari

    Mill-ittra lill-Kolossin 3:1-4

    Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk ta’ l-art. Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, mbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja. 

    L-Evanġelju

    San Ġwann 20:1-9

    Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, fil-għodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej  mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!” Pietru u d-dixxiplu  l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Mbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Mbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen. Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum  mill-imwiet.