L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Il-ġrajja tat-Tħabbira tal-Mulej, li għadna kif smajna fl-Evanġelju skont San Luqa, hija ġrajja għażiża għalina Ħal Balzan. Hija l-ġrajja li bħala komunità niċċelebraw b’mod speċjali f’din il-knisja ddedikata lil Marija Annunzjata. Hija ġrajja importanti għall-Knisja kollha universali.
Hija marbuta mill-qrib mal-Milied, mat-twelid ta’ Ġesù, għax hi ġrajja li turi t-tnissil ta’ Ġesù. Aħna nafu li meta ngħidu “l-Iben ta’ Alla sar bniedem” qed ngħiduh l-ewwel għat-tnissil tiegħu. Sar bniedem fit-tnissil, imbagħad fit-twelid setgħu jarawh u jħaddnuh Marija u Ġużeppi wara li għexu dawk ix-xhur fejn kienu diġà laqgħuh u għamlu minn kollox biex iħarsuh mill-ewwel mument tat-tnissil tiegħu.
Nixtieq li nieqfu fuq is-sentenza lejn l-aħħar ta’ dan l-Evanġelju, meta Marija tgħid: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej. Ħa jsir minni skont kelmtek”.
Iva determinata
Il-Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni Appostolika indirizzata speċjalment liż-żgħażagħ, bit-titlu Kristu Jgħix (n. 44), jgħid hekk fuq din il-ġrajja, speċjalment fuq dak li tgħid Marija: “Il-qawwa tal-iva ta’ Marija, żagħżugħa, dejjem timpressjona.” L-iva tagħha ħierġa mill-qalb. Din ma kinitx iva passiva jew rassenjata, qisha qed tgħid “iva, issa naraw”. Il-Papa jgħid li f’Marija qatt ma kien hemm “issa naraw”, imma kienet iva deċiża, determinata, bil-qalb, li laqgħet il-messaġġ li bagħtilha Alla pemezz tal-anġlu Gabrijel.
Iva li sserraħ fuq il-kelma ta’ Alla
Ma kinitx ‘iva’ għax Marija kellha xi illużjoni u ma kinitx qed tara d-diffikultajiet kbar li kien se jkun hemm, anzi żgur kienet qed tara ħafna diffikultajiet. Ma kinitx iva għax kienet qed tara ċar dak li se jiġri fil-futur, anzi f’dak il-mument ma setgħetx tara għalkollox ċar. Imma kienet iva li sserraħ mhux fuqha nnifisha imma fuq il-qawwa ta’ Alla. Qiegħdet il-fiduċja f’Alla u fil-kelma tiegħu, li dak li qalilha se jseħħ, u li Alla kien se jagħtiha l-għajnuna għal dak li sejħilha għalih. Fil-fatt, kultant ma nirrealizzawx li l-isem tal-anġlu Gabrijel ifisser “Alla hu l-qawwa tiegħi”. U għalhekk qed jgħaddilha l-messaġġ li Marija tagħrfu, li dak li hi mitluba tista’ tagħmlu bil-qawwa ta’ Alla u bil-grazzja tiegħu.
Il-Papa jgħid li f’Marija qatt ma kien hemm “issa naraw”, imma kienet iva deċiża, determinata, bil-qalb, li laqgħet il-messaġġ li bagħtilha Alla pemezz tal-anġlu Gabrijel.
Iva ħajjitha kollha
Li jolqotni ħafna f’Marija hija li din ma kinitx iva ta’ darba – dakinhar li dehrilha l-anġlu – imma iva li kompliet iġġedidha ħajjitha kollha. Ibda mill-ġrajja tat-twelid, meta taf li se jitwieled Ġesù, u ma għandhomx post fejn jista’ jitwieled. L-Evanġelju jgħid li hi u Ġużeppi jfittxu post fejn jista’ jitwieled, u ma kienx hemm post għalihom. Kull fejn ħabbtu, qalulhom full-up, ma hawnx post. Hemmhekk ukoll, Marija kellha ġġedded dik l-iva li qalet: “Ikun minni skont kelmtek”. U kompliet tagħmel dan ħajjitha kollha.
Iva sal-aħħar
Timpressjonani ħafna r-rabta li hemm bejn din il-ġrajja li smajna llum, speċjalment il-kliem tal-anġlu Gabrijel, u dak li naraw f’Marija fil-mument tal-aħħar, meta kienet taħt is-salib ta’ Ġesù. Jekk kien hemm mument ta’ prova għal Marija, kien proprju taħt is-salib. Immaġinaw lil Marija taħt is-salib, u terġa’ tisma’ f’widnejha dal-kliem li qalilha l-anġlu: “Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ bin l-għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.” U meta hi tħares lejn Ġesù fuq is-salib, qed tara minn barra eżatt il-kontra ta’ dan il-kliem. Fejn hu “kbir” fuq is-salib? Fejn qed “jissejjaħ bin l-għoli” meta dawk li hemm taħt is-salib qed isejħulu “bin Alla” biex jirredikolawh? Fejn hu “fuq it-tron ta’ David missieru” meta t-tron tiegħu hu s-salib? Fejn “isaltan għal dejjem … ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu”, meta qed imut, qed tara t-tmiem?
Hemmhekk kien l-aktar mument ta’ prova, meta tiftakar fil-kliem li qalilha l-anġlu Gabrijel, biex terga’ ġġedded il-fiduċja f’Alla li anke jekk minn barra qed tara l-kontra, il-kliem ta’ Alla se jseħħ. Fil-fatt, Alla ta raġun lil Marija, l-Istorja tatha raġun, mhux għax rat ċar, mhux għax ma kellhiex diffikultajiet fil-ħajja, imma għax baqgħet temmen u ġġedded il-fiduċja f’Alla u fil-kelma tiegħu, u tgħid kull darba: “Jiena l-qaddejja tal-Mulej. Ħa jsir minni skont kelmtek”.
Iva bħal Marija
Dan nixtieq li nitlobha għalina lkoll, aħna u nippreparaw biex ftit ġranet oħra niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù. Nitolbu biex aħna jkollna dan l-ispirtu ta’ Marija, biex meta ngħaddu minn mumenti diffiċli, meta ma narawx ċar, meta minn barra jidher differenti u l-affarijiet jidhru kontrina – kultant ngħaddu minn mumenti hekk fil-ħajja – meta aħna nħabbtu wiċċna ma’ ħafna sfidi fil-ħajja, nibqgħu b’fiduċja sħiħa f’Alla. Tkun din il-fiduċja tmexxina ’l quddiem, tagħtina l-kuraġġ, bħalma tat lil Marija ħajjitha kollha. Bil-fiduċja fih, ma jfissirx li ma jiġux affarijiet diffiċli – bħalma kellha Marija ħajjitha kollha – imma jfisser li jkollna l-għajnuna li għandna bżonn ħajjitna kollha.
Għalhekk nitolbu lill-Mulej biex f’ħajjitna ngħixu dik il-kelma li qalet Marija, li aħna ngħiduha kull darba fit-Talba tal-Missierna: “Ikun li trid int, kif fis-sema hekkda fl-art”. Hemmhekk qed ngħidu l-istess kelma li qalet Marija; u jalla tkun din li tmexxina f’ħajjitna: “Jiena l-qaddejja tal-Mulej. Ħa jsir minni skont kelmtek.”
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju